Ħames Minuti Intervisti Divertiment Teatru Arti

Films ġodda għal din il-ġimgħa

Aqra iktar dwar żewġ films ġodda li ħarġu fis-swali taċ-ċinema din il-ġimgħa

Carmel Bonnici / 27 ta' Marzu 2017 12:52
Chips

Atturi Ewlenin: Michael Pena; Dax Shepard; Vincent D'Onofrio; Rosa Salazar; Kristen Bell

Direttur: Dax Shepard

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 101 min | Ċert: 15

Is-sensiela tat-televiżjoni ‘Chips’ dwar l-attivitajiet tal-uffiċjali tal-California Highway Patrol akkwistat popolarità kbira fis-snin sebgħin u tmenin. Bħal ħafna u ħafna serje oħrajn, din issa sabet ruħha fuq il-liżar il-kbir, b'atturi ġodda u storja oriġinali. Naturalment, il-versjoni ċinematografika hija kummiedja spinta mimlija azzjoni. Il-protagonisti ta' din il-produzzjoni huma żewġ uffiċjali ta' mezz'età tal-California Highway Patrol, Jon Baker [Shepard] u Frank ‘Ponch’ Poncherelli [Pena]. Dawn huma pulizija bla rażan u ħafna drabi ineffiċjenti f'xogħolhom. Biex jarrestaw jew jisparaw fuq il-kriminali ma jaħsbuha xejn li jaġixxu bla ebda responsabbiltà u anki ġieli joħolqu kaos sħiħ u anke jikkawżaw ħsara u tbatija fuq sħabhom stess membri tal-korp. Waqt li ‘Ponch’ ikun wasal f'xifer li jitkeċċa u sieħbu Baker sikwit ibati minn ħsara personali, dieħel u ħiereġ l-isptar, uffiċjal ta' qabel tal-pulizija qed jikkawża ħerba sħiħa fil-belt bil-paladini tiegħu jwettqu diversi serqiet u jħallu stragi ta' karozzi u muturi mfarrkin fit-toroq prinċipali. Huma jiddeċiedu li jwaqqfuh. ‘Chips’ hija kummiedja tassew bla brejkijiet, imħarrka waħda sew, b'referenzi sesswali u atti tal-imġienen. Ma skantajtx meta fil-bidu qrajt li l-veru California Highway Patrol ma jirrikonoxxix dak kollu li jseħħ f'dan ix-xogħol.

 

The Salesman

Atturi Ewlenin: Shahab Hosseini; Taraneh Alidoosti; Mina Sadati; Farid Sajadhosseini

Direttur: Asghar Farhadi

Maħruġ minn SIDE STREET Films, Eden Cinema

Tul: 125 min | Ċert: 12A

Il-film Iranjan ‘The Salesman’, li hu bis-sottotitli, rebaħ l-Oscar għall-Aqwa Film Barrani tal-2016. Dan id-dramm eċitanti li tassew jingrana bil-kbir u b'xi mod sorprendenti fil-final, fil-festival ta' Cannes tal-2016 rebaħ ukoll żewġ premjijiet - għall-Aqwa Attur, Shahab Hosseini u l-Aqwa Skrinplej. Id-direttur Asghar Farhadi li diġà bbrilla bil-film superjuri ‘A Separation’ [2011], kien rebaħ l-unur Golden Globe għall-Aqwa Film Barrani. Emad [Hosseini] u martu Rana [Alidoosti], żewġ atturi, qed jaħdmu fir-reċta ‘Death Of A Salesman’ tal-awtur Amerikan, Arthur Miller. Emad hu għalliem popolari mal-ġuvnotti tal-klassi tiegħu. Fil-bidu, hu u martu jkollhom iħallu l-appartament tagħhom, flimkien mal-abitanti l-oħra, meta jidher li l-blokk bini se jiġġarraf. Attur ieħor, Babak [Babak Karimi], ħabib tagħhom, isibilhom post fejn joqogħdu. Meta ftit jiem wara jerġa' lura d-dar, isib id-demm fl-art fil-kamra tal-banju u jiskopri li martu ġiet attakkata sesswalment, billi dik li kienet tgħix hemm qabel kienet prostituta. B'determinazzjoni qawwija, Emad jibqa' jfittex biex jiskopri l-identità tal-attakkant, waqt li martu tinsab fi trawma kbira. L-andament ta' din il-produzzjoni u r-reċta li l-protagonisti qed jaħdmu jindikaw temi simili. Minkejja kważi atmosfera klawstrofobika, dan ix-xogħol b'temi ta' vendetta u anki kompassjoni, jżomm l-interess ħaj kontinwament permezz ta' reċtar tajjeb u anki ‘twists’ li jissorprendu fil-final. Ta' min ikun jaf li d-direttur ma marx jiġbor il-premju li rebaħ fiċ-ċerimonja riċenti tal-Academy Awards.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook