Ħames Minuti Intervisti Divertiment Teatru Arti

L-istejjer ta’ Fra Mudest jagħlqu 50 sena

F'April li għadda, l-istejjer ta' Fra Mudest għalqu 50 sena, hekk kif l-ewwel storja tal-Fra maħbub ħarġet fl-10 ta' April 1967

Staff Reporter / 20 ta' Marzu 2017 10:34
disinn: Frank Schembri
Kien fil-ħarġa tal-magażin tat-tfal Children’s Own numru, 292 (10 t’April,1967) li dehret l-ewwel storja dwar Fra Mudest miktuba minn Charles Casha, illum magħruf sew għall-kotba tiegħu mmirati għal kull età. Din l-istorja kienet  suċċess kbir tant li l-edituri tal-magażin kellhom jistampaw aktar kopji biex jilħqu mad-domanda li bdiet dieħla wara li tqassam il-magażin fl-iskejjel.

Casha ħoloq dan il-karattru wara talba mill-editur taċ-Children’s Own, John Demanuele wara li dan kien sab logo bil-kelmiet Fra Mudest, fuq l-iskrivanija ta’ missieru, Joseph Demanuele. L-istejjer illum ilaħħqu l-mija u għaxra miġbura f’sitt kotba. L-ewwel ktieb kien ukoll l-ewwel pubblikazzjoni tal-Merlin Library.

Fra Mudest (1971)

Aktar Praspar ta’ Fra Mudest (1974)

Mill-Ħorġa ta’ Fra Mudest (1995)

Mid-Dinja ta’ Fra Mudest (1995)

40 Sena Fra Mudest (2007)

50 Sena Fra Mudest (2017)

Żgur li Fra Mudest se jibqa’ parti mill-folklor letterarju modern l-aktar fejn tidħol il-letteratura għat-tfal. Fra Mudest mexa minn ġenerazzjoni għal oħra għalkemm l-ambjent li fih huma mibnija dawn l-istejjer inbidel u għat-tfal tal-lum huwa xi ħaġa li jistgħu jarawha biss fl-immaġinazzjoni tagħhom. Illum, Fra Mudest għadu jġib memorji sbieħ tat-tfulija lill-eluf ta’ qarrejja li llum m’għadhomx tfal imma kibru, iżżewġu u għandhom uliedhom.

F’kumment tiegħu dwar dawn l-istejjer, Ġorġ Mallia jgħid hekk:

“Nemmen ukoll li ma’ Fra Mudest qed nikkommemoraw it-twelid tal-letteratura moderna għat-tfal Maltin għax il-ħolqien tal-wieħed hu mżewweġ mal-bidu tal-oħra.”

Kumment ieħor kien mingħand il-Professur Manwel Mifsud li kiteb hekk:

“Tul 40 sena li fihom id-dinja nbidlet bis-sħiħ, kull awtorità ddaħlet fi kriżi, u l-fehmiet u l-gosti tal-Maltin inqalbu ta’ taħt fuq, Fra Mudest bil-karattru ferrieħi, b’dik id-daħka simpatika tiegħu, baqa’ jmiss qlub il-qarrejja, baqa’ jilħaq dik ir-rokna f’qalbhom li minkejja kollox – tixtieq is-sempliċità, il-ġenwinità. Baqa’ xhieda ta’ kontinwità u punt ta’ riferiment iktar importanti milli naħsbu.” 

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook