ROCKESTRA 2016 : Appuntament għall-10 ta' Settembru

l-edizzjoni ta' din is-sena ta' Rockestra, se ssir fl-10 ta’ Settembru ġewwa l-MFCC f’Ta Qali

Pawlu Borg Bonaċi, direttur artistiku ta' ROCKESTRA jħabbar id-data tal-edizzjoni ta' din is-sena
Pawlu Borg Bonaċi, direttur artistiku ta' ROCKESTRA jħabbar id-data tal-edizzjoni ta' din is-sena

Ġiet mnedija l-edizzjoni tal-2016 tal-kunċert Rockestra li din is-sena ser issir fl-10 ta’ Settembru ġewwa l-MFCC f’Ta Qali.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, id-direttur artistiku Pawlu Borg Bonaci spjega kif din is-sena Rockestra ser tkun qed toffri numru ta’ sorpriżi kemm f’dak li jirrigwardja kontenut kif ukoll mill-lat teknoloġiku, pero' ... "aktar dettalji dwar dawn is-sorpriżi ser ikunu żvelati aktar qrib id-data tal-kunċert.", tenna Borg Bonaci.

Id-direttur mużikali ta’ Rockestra, is-Surmast Sigmund Mifsud tkellem fuq kif Rockestra dejjem serviet biex jiġu skoperti talenti ġodda. Dan l-istess spirtu wassal biex din is-sena titnieda għall-ewwel darba kompetizzjoni li permezz tagħha ser jintgħażlu kitarristi ġodda li jingħaqdu mal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta għal xi silta partikolari. Aktar dettalji dwar din il-kompetizzjoni ser ikunu fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ Rockestra.

Stefan Buontempo, Segretarju Parlamentari fi ħdan il-Ministeru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali qal li Rockestra saret appuntament annwali fil-kalendarju kulturali Malti u iddeskriviha bħala opportunità fejn jiġi espost l-aqwa talent Malti filwaqt li jinġabru l-fondi għall-kawża ġusta.

Fl-aħħarnett, Il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, rringrazzjat lil Pawlu Borg Bonaci u lis-Surmast Sigmund Mifsud u l-membri kollha tal-kumitat organizzattiv talli sena wara oħra jkunu l-moħħ wara Rockestra li permezz tagħha kull sena tinġabar somma rekord li tmur b’risq il-Malta Community Chest Fund.

Il-President spjegat li dawn il-fondi jintużaw mhux biss biex għall-kimoterapija u mediċina speċjalizzata, iżda, mill-bidla għall-fondazzjoni, il-Malta Community Chest Fund qegħda tinvesti wkoll fir-riċerka permezz ta’ kollaborazzjoni mar-Research, Innovation and Development Trust, fi ħdan l-Universita’ ta’ Malta biex b’hekk, Il-Malta Community Chest Fund mhux biss tkun reattiva imma tkun ukoll proattiva.

Hija semmiet ukoll li l-Malta Community Chest Fund bdiet taħdem fuq il-ftuħ ta’ diversi ċentri ‘outreach’, fosthom ġewwa Għawdex, Birżebbuġia, Isla, Gudja u San Pawl il-Baħar. Permezz ta’ dawn iċ-ċentri, li qed jiftħu b’kollaborazzjoni ma’ diversi għaqdiet, kunsilli lokali u kappillana, il-Malta Community Chest Fund qed toffri is-servizzi tagħha fil-qalba tal-komunita’.

ROCKESTRA 2016 - 10 ta' Settembru
ROCKESTRA 2016 - 10 ta' Settembru

Il-biljetti ta’ Rockestra jinsabu għall-bejgħ minn fuq is-sit www.showshappening.com, mill-Uffiċċju tal-Malta Community Chest Fund, fil-Palazz, Il-Belt Valletta, mill-Palazz ta’ Sant’ Anton, mill-Kitchen Garden, mill-ħwienet tal-Maypole u mill-Embassy Cinemas, Il-Belt Valletta.

Il-biljetti fiż-żona ‘seated’, huma €20, biljetti ‘standing’ huma €15 għall-kbar u €2 għal tfal minn tnax-il sena ‘l isfel, filwaqt li biljetti VIP qed jinbiegħu għal €50.

More in Divertiment