Dokumentarju ta' James Cameron miġbud f'siti ta' Heritage Malta

Id-dokumentarju dwar Atlantis ġie miġbud f'pajjiżna f'April li għadda

Id-direttur tal-films internazzjonali, James Cameron
Id-direttur tal-films internazzjonali, James Cameron

Dokumentarju intitolat 'Search for Atlantis', prodott għan-National Geographic u Discovery Channel Canada, ġie miġbud Malta ftit tax-xhur ilu.

James Cameron, id-direttur popolari għal films bħal 'Titanic' u 'Avatar', huwa l-produttur eżekuttiv ta' dan id-dokumentarju. Filwaqt li Cameron innifsu ma kienx preżenti għal ġbid hawn Malta, id-Direttur u t-Tim tal-produzzjoni kienu hawn f'April li għadda.

Id-dokumentarju jitratta fuq il-belt mitoloġika ta' Atlantis, li uħud jitteorizzaw li setgħet kienet fil-Mediterran, qabel ma din ġiet kompletament mgħarrqa.

Cameron sostna li, "l-iskoperta tal-verità storika u arkeoloġika wara l-mit ta' Atlantis dejjem kienet ħaġa li affaxxinatu." Għaldaqstant, parti mill-ġbid ta' dan id-dokumentarju sar f'siti ta' Heritage Malta, fosthom it-tempji tal-Ġgantija, Tarxien u Ħagar Qim, flimkien ma' Għar Dalam u l-Mużew tal-Arkeoloġija.

"It-tim esplorattiv tagħna, ser jinvestiga bosta teoriji ġodda fuq fejn Atlantis setgħet kienet fil-verità, min kienu in-nies misterjużi li kienu jgħixu fiha u x'tip ta' diżastru ikkawża din l-art biex tisparixxi min fuq wiċċ id-dinja," temma Cameron.

Minbarra Malta, partijiet oħrajn mid-dokumentarju ġew miġbuda fi Sqallija, Kreta, Santorini u Sardenja. Id-dokumentarju pjanat li jintwera internazzjonalment ix-xitwa li jmiss. Il-fatt li l-isem ta' James Cameron ser ikun assoċjat ma' dan id-dokumentarju, ir-reputazzjoni ta' Malta bħala lokalità għal ġbid ta' produzzjonijiet għandha tieħu spinta 'l quddiem.

Il-Ministru Zammit Lewis iddeskriva dan bħala opportunità kbira għat turiżmu, u li produzzjonijiet bħal dawn huma promozzjoni eċċellenti għal l-istorja u l-kultura Maltija, madwar id-dinja.

Aktar kmieni dan ix-xahar, avolja mhux ikkonfermat, ġie msemmi wkoll, li produzzjoni Amerikana li qiegħda tippjana verżjoni ġdida tal-film klassiku 'Murder on the Orient Express', uriet interess li tiġbed partijiet min dan il-film fi gżiritna, anke bil-possibiltà li jerġa' jkun hawn għal darb'oħra fostna, l-attriċi Angelina Jolie.

More in Divertiment