Festa għax-xalaturi din ir-rebbiegħa u s-sajf

Fost l-aqwa festi u festivals madwar l-Ewropa fix-xhur li ġejjin

Mhux darba jew tnejn smajna l-espressjoni, ‘u mhux darba ngħixu?’ U din l-espressjoni hija waħda vera u reali, tant li kulħadd jipprova jagħmel l-aħjar biex fiż-żmien li jkollu fuq din id-dinja, igawdi u jixxala kemm jiflaħ. U ngħiduha kif inhi, il-pajjiż, il-kontinent u d-dinja li ngħixu fiha hija mimlija bl-opportunitajiet biex tgawdi, tiddeverti u tħossok tajjeb. 

Ir-rebbiegħa, l-istaġun tal-kuluri, tal-fjuri, tal-ħajja u tat-temp mill-isbaħ jiftaħ is-separju għal festivals u festeġġjamenti madwar l-Ewropa biex imbagħad fis-sajf, kulħadd itiha għall-ħela, jonfoq, ikanta, jixxala u jqatta’ kemm jista’ jkun ħin fid-dawl tax-xemx mal-ħbieb u l-qraba. 

L-ILLUM ħarset lejn uħud mill-aqwa festivals madwar l-Ewropa li jappellaw għal ġeneri, etajiet u gosti differenti u li jġibu magħhom il-kulur u l-‘joie de vivre’ li llum kulħadd sar ifittex. Minn Malta sal-Ġermanja, sa Spanja u r-Renju Unit, preparaw ruħkhom għall-Ewropa li minn dawn il-ġimgħat bdiet tixgħel u tferraħ tant eluf. 

In-nar li jiftaħ l-istaġun f’Edinburgh 

Fl-aħħar t’April Edinburgh, l-aktar belt importanti fl-Iskozja tilqa’ s-Sajf b’festival mimli kulur u esebizzjonijiet kulturali u tradizzjonali. Dan il-festival isir fl-aħħar lejl t’April u jfisser snin twal ta’ storja fejn il-bidliet fl-istaġun għal bosta nies Ċeltiċi kienu ferm importanti. 

Il-purċissjoni ta’ nies u kuluri tibda mill-Monument Nazzjonali fuq l-għolja li minnha tara l-isbaħ veduti tal-belt Skoċċiża u ddur mal-istess għolja flimkien ma’ ikel, xorb u mużika tradizzjonali. Dan il-festival tal-abbundanza jinkludi lil żewġ personaġġi li jservu bħala l-qofol tiegħu. Dawn huma r-Reġina ta’ Mejju u l-Green Man. Wara l-mixja proċessjonata, kulħadd ikompli l-lejl jiekol u jixxala għall-arja friska u xi ftit kiesħa wkoll tal-Iskozja. 

Ispira ruħek fil-Portugal   

Bejn il-11 u t-18 t’Awwissu fl-eqqel tas-sajf, tista’ tispira ruħek fil-BOOM Festival fil-Portugall, bi preżentazzjonijiet mużikali, esebizzjonijiet artistiċi u attivitajiet ħolistiċi f’festa mnebbħa mill-paċi, il-kreattività, l-kultura alternattiva, l-evoluzzjoni u l-imħabba. 

Dan l-avveniment li jseħħ kull sentejn huwa festival ta’ mużika trans-psikadelika, elettronika u chill-out li magħhom jingħaqad ċirku, teatru tat-triq, esebizzjonijiet tan-nar u ta’ skulturi madwar il-post, kif ukoll iż-żona tal-fejqan. Din iż-żona fil-post fejn isir il-festival, tinkludi post fejn tista’ timmedita li joffru wkoll terapiji biex issib bilanċ psikoloġiku aħjar permezz tal-isbuħija, il-paċenzja u l-maħfra. Hemm ukoll pixxina għat-terapija permezz tal-ilma. 

Imsomma, il-Boom fil-Portugall huwa festa li tnessik l-istress u li taqtgħek mill-ħafna problemi li xi kultant tħoss li qed jgħerquk.

Iltaqa’ mal-istilel f’Cannes

Naturalment, dan il-festival mhux wieħed li fih tista’ tipparteċipa wisq, sakemm ma tkunx ġurnalist jew xi attur famuż. Imma huma l-eluf dawk li jmorru l-Cote D’Azur meta dan isir il-post fejn il-moda, il-fama, il-paparazzi u l-atturi jiltaqgħu. Jekk tħobb issegwi l-industrija tal-films, m’hemmx dubju li l-post li għandek tkun fih bejn il-11 u t-22 ta’ Mejju li ġej, huwa hawn. 

Cinema De La Plage matul il-jum
Cinema De La Plage matul il-jum

Il-post ikun iffullat u naturalment mimli ħajja b’ħafna minn dawk li jmorru, jgħidu li jippreferu jmorru għal Premiere ta’ film xi ftit iżgħar biex ma jinqabdux f’wisq folla jew inkella jaraw film f’Cinema De La Plage, taħt il-ġmiel tal-istillel. Min jaf? F’Cannes tista’ terġa’ tixgħel il-fjamma tal-imħabba jew issibha.

Ara jolqtok dak il-barri!     

Mill-finezzi ta’ Cannes, immorru għall-istorbju u x-xalar forsi b’aktar passjoni Mediterranja, ta’ Spanja. Fil-bidu ta’ Ġunju jsir il-festival tant popolari ta’ San Fermin f’Pamplona, Spanja. Dan magħruf għall-ġirjiet perikolużi, imma li xorta huma mfittxija minn ħafna, ta’ nies bil-barrin jiġru warajhom fit-triq tal-istess raħal. 

Nies jiġru fit-toroq  mal-barrin f’Pamplona
Nies jiġru fit-toroq mal-barrin f’Pamplona

Il-maġġoranza tal-10 miljun persuna li jmorru fi Pjazza Ayutanmiento jistennew bil-ħeġġa sakemm il-festa tkun iddikjarata miftuħa b’mod uffiċjali. Minn hemm jibdew disat ijiem ta’ festi bla wafien, ikel, xorb u xalar li jikkulminaw l-aktar fil-ġirjiet tal-barrin. L-Encierro, jew il-ġirja bil-barrin, twassal saċ-ċirku (bullring) fejn hemmhekk jibdew il-ġlied tal-barrin, mibgħuda minn bosta, iżda xorta prattikati fi Spanja bħala xi ħaġa tradizzjonali. 

Il-festa minnha nnifisha hija ċelebrazzjoni Mediterranja ta’ kuluri u xorb, fi spirtu Mediterran mill-isbaħ. Attent biss li ma tkunx fin-nofs meta jgħaddi l-barri għax jirranġak għall-frisk.

Oranġjo għar-Re u għall-Olanda  

L-Olanda fis-27 ta’ April tinbidel f’baħar ta’ oranġjo hekk kif l-Olandiżi joħorġu jiċċelebraw il-ġurnata li tfakkar lill-Monark. Illum, din il-ġurnata tissejjaħ ‘King’s Day’ (Queen’s day sa April 2013), u hija l-akbar festa ċċelebrata f’dan il-pajjiż li ddum għaddejja 24 siegħa u li fiha jsir xorb u ffesteġġjar bla rażan. 

Baħar ta’ oranġjo fil-kanali tal-kapitali Amsterdam
Baħar ta’ oranġjo fil-kanali tal-kapitali Amsterdam

Għalkemm il-kuluri fuq il-bandiera Olandiża huma aħmar, abjad u blu, l-oranġjo huwa l-kulur tal-monarkija u huwa wkoll kulur vivaċi li jikkuntrasta mat-temp griż li jiddomina x-xitwa Olandiża. Bosta nies jintefgħu f’waħda mid-dgħajjes li tkun qed iddur fil-kanali u jifesteġġjaw fuqhom f’wieħed mid-diversi kanali sinonimi mal-belt ta’ Amsterdam.

Il-Karibew imur Londra 

Dan il-festival partikolari kont mort għalih ftit snin ilu. Eluf fuq eluf ta’ passiġġieri jinżlu fl-underground, destinazzjoni Notting Hill. Il-Karnival ta’ Notting Hill iġib l-aktar elementi kkuluriti lejn Londra, l-aktar l-elementi mill-Karibew. Fil-fatt f’dan il-Karnival tara ħafna nies, l-aktar Ġamajkani, li jinżlu fit-toroq ta’ din iż-żona mill-isbaħ f’Londra u jiżfnu, jdoqqu t-tnabar u joħolqu mużika mill-isbaħ. 

Il-kuluri u l-kostumi bi prominenza f’Notting Hill
Il-kuluri u l-kostumi bi prominenza f’Notting Hill

Din iċ-ċelebrazzjoni ta’ diversità bdiet issir proprju biex tnaqqas mit-tensjonijiet razzjali fil-belt u biex kulħadd jiżfen u jixxala flimkien ma’ nies ta’ kultura differenti. Illum, 40 sena wara, Notting Hill inbidlet minn żona fqira għal waħda sinjura b’karnival li huwa fost l-ikbar, lil hinn minn dak li jsir f’Rio fil-Brażil.

Għal dawk il-mijiet ta’ Maltin li jħobbu jmorru Londra, dan il-Karnival huwa appuntament mhux ta’ min jitilfu.

Kunċerti u mużika ta’ kull ġeneru fil-belt Katalana 

Ir-rebbiegħa fil-belt kapitali ta’ Katalunja, Barcelona, fi Spanja ġġib magħha il-festival Primavera. Dan il-festival se jsir bejn it-2 u l-4 ta’ Ġunju u se jġib flimkien diversi artisti u kantanti minn kull rokna tad-dinja. Primavera huwa festival ta’ kull ġeneru ta’ mużika li għalih jattendu eluf kbar minn madwar id-dinja, fosthom ukoll minħabba li l-belt ta’ Barcelona f’dan iż-żmien tkun fl-aqwa tagħha bil-bajjiet mimlijin nies, f’temp sħun imma mhux sħana li toqtol. 

Eluf ta’ nies jinġabru għall-kunċert fuq il-bajja
Eluf ta’ nies jinġabru għall-kunċert fuq il-bajja

Apparti l-mużika, matul dan il-festival ikun organizzat ukoll festi0val iżgħar ta’ dokumentarji relatati mal-mużika. 

Regatta lura fiż-żmien 

Regatta, gondoli, storja u kanali. Fejn iktar jekk mhux il-belt ta’ Venezja? Fl-ewwel Ħadd ta’ Settembru din il-belt mimlija storja timtela b’aktar ħajja mis-soltu u fiha ssir ir-regatta li tmur lura fiż-żmien. Kostumi differenti ta’ żminijiet oħra jlibbsu lill-Venezja libsa li tixraqilha sew, dik tal-istorja rikka li tagħmilha waħda mill-iktar postijiet mfittxija fl-Italja u madwar id-dinja. 

Il-kompetizzjoni tal-gondoli fil-kanali famużi ta’ Venezja
Il-kompetizzjoni tal-gondoli fil-kanali famużi ta’ Venezja

B’kollox jiġu organizzati erba’ tiġrijiet differenti, b’diversi tipi ta’ dgħajjes imma qabilhom tkun organizzata l-bissone, purċissjoni ta’ dgħajjes li tagħmel parata tradizzjonali mill-isbaħ.

L-aktar tiġrija popolari hija dik bil-gondolini li tispiċċa fil-Grand Canal, fejn jinġabru eluf ta’ nies iċapċpu u jgawdu dan l-avveniment stotiku, jistennew li jkun deċiż ir-rebbieħ tat-tiġrija. 

Bandalori kollha lwien...karti żgħar ma’ kullimkien 

Imma jekk qed insemmu festivals u festeġġjamenti madwar l-Ewropa ma nistgħux ninsew il-festi fl-irħula u l-bliet madwar pajjiżna. Il-festi f’Malta huma l-pern tat-tradizzjonijiet Maltin u fihom jkun esebit il-karattru kkulurit u ferrieħi tagħna l-Maltin. 

Il-marċ tradizzjonali ta’ filgħodu fil-Ħamrun
Il-marċ tradizzjonali ta’ filgħodu fil-Ħamrun

It-toroq jiżżejnu bl-isbaħ bandalori u pavaljuni, xi drabi xogħol tal-aqwa artistrija. Is-smewwiet jiżżejnu bil-kulur tal-isbaħ logħob tan-nar u l-knejjes tagħna jiżżejnu u jinbidlu f’mużewijiet tal-wirt Kattoliku rikk li għandha Malta. 

B’differenza minn dawn li semmejna, l-festi f’Malta jinfirxu matul tliet xhur sħaħ u jġibu magħhom żmien ta’ ferħ, familja, kulur, sokor u xalar. 

More in Divertiment