Café Jubilee

Fejn se nieklu ILLUM?

Il-Café Jubilee fi Triq Santa Luċija l-Belt Valletta huwa wieħed minn dawk ir-restoranti li jolqtok hekk kif tidħol mill-bieb minħabba l-atmosfera li fih. Hu ddekorat b’gost sabiħ ħafna u l-mużika jazz li għandhom fir-restorant hija wkoll sabiħa u baxxa biżżejjed biex wieħed ma jkollux għalfejn jgħolli leħnu biex jinstema’ jitkellem.

Għall-ikel wieħed għandu għażla tajba ta’ għaġejjen, tipi differenti ta’ ħobż, u ikel Malti bħal torti, fenek u tonn. L-ikel jiġi bi prezz raġonevoli, u nfaqt madwar €10 għal platt għaġin u kafè. Jien ħadt l-ispaghetti “Spicy salsiccia” li kien fih zalzett Malti, faqqiegħ, tadam u bżar aħmar. Wieħed jista’ jagħżel x’għaġin jippreferi bejn spaghetti jew penne. Jekk wieħed jippreferi zalza differenti jista’ jagħżel bejn selezzjoni ta’ tmien tipi ta’ zlazi oħra. Il-Café Jubilee għandu wkoll għażla tajba ta’ nbejjed, kif ukoll xorb alkoħoliku ieħor.

Għoġobni l-fatt li dan l-istabbiliment joffri imwejjed żgħar għal żewġ jew tliet persuni u għalhekk jekk tkun se tiekol waħdek jew ma’ persuna oħra ma’ tħossx li għandek tgħaġġel għax qed tieħu wisq spazju. Għoġobni wkoll id-disinn tar-restorant li hu magħmul b’mod li hemm diversi mkejjen bl-imwejjed u wieħed iħoss li għandu l-ispazju privat tiegħu madwar il-mejda.

Għal dawk li ma jistgħux jisseparaw ruħhom mit-teknoloġija għal siegħa, il-Café Jubilee joffri l-WIFI għall-klijenti tiegħu.

Għal min irid jiekol waqt il-waqfa mix-xogħol ta’ nofsinhar irid jaħseb ftit kmieni għax ir-restorant kemmxejn żgħir u malajr jimtela’. Minkejja dan, is-servizz huwa mgħaġġel ħafna u jekk wieħed jistenna xi ftit ħin mal-bar, jaf malajr jingħata mejda.

Kollox ma’ kollox ma tantx hemm x’wieħed jikkritika f’dan ir-restorant ħlief forsi li l-kamra tat-tojlit għandha tkun imfewħa ftit aħjar.

Café Jubilee jinstabu wkoll f’żewġ lokalitajiet oħra: fir-Rabat Għawdex u l-Gżira. 

Nota: Dan l-artiklu mhux reklam. Kull ġimgħa ILLUM ser iżżur restorant f’lokalitajiet differenti tal-pajjiż b’mod anonimu u tati opinjoni onesta dwar dawn l-istabbilimenti.

More in Divertiment