Lisbona: Kultura rikka...ħajja rħisa

  • It-taxis huma rħas u jitħallsu skont il-meters
  • F’Alfama hemm toroq li minnhom tgħaddi biss persuna waħda

Via Augusta t-triq prinċipali tax-shopping f'Baixa
Via Augusta t-triq prinċipali tax-shopping f'Baixa

 

Il-Portugall għandu storja u kultura ta’ mijiet ta’ snin kollha mnaqqxa fil-bini grandjuż u fit-toroq tagħha. Darba kienet superpotenza bl-imperu tagħha jestendi mill-Afrika għall-Brażil sal-lvant mbiegħed. Imbagħad inbidlet fl-aktar pajjiż fqir fl-Ewropa tal-Punent. U fil-preżent ħadet ftit ir-ruħ minn meta ngħaqdet bħala wieħed mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Il-fatt li l-pajjiż hu fqir ifisser ukoll li l-ħajja hi waħda rħisa għal min iżurha, anke jekk bħala kultura, storja u arkitettura tibqa’ waħda mill-aktar pajjiżi rikki fl-Ewropa.

 

Il-belt kapitali b’pont mill-itwal fid-dinja

 

F’Lisbona, li hi l-kapitali sinjura fl-istorja Portugiża, nimmeraviljaw irwieħna bil-wirt arkitettoniku tal-epoka tal-iskoperta. Lisbona hi belt li fiha jgħixu 600,000 abitant u li tinsab f’ħalq ix-xmara Tejo. Is-suspension bridge ta’ Lisbona li hu twil 3 kilometri hu wieħed mill-itwal suspension bridges fid-dinja. Inbena fl-1966 mill-istess kumpanija li bniet il-pont kuġin tiegħu ta’ San Francisco.

 

Statwa ta’ Kristu tiddomina fuq Lisbona min-naħa l-oħra tax-xmara Tejo u b’idu miftuħa jisimbolizza lil Kristu jbierek il-Belt. Lisbona hi taħlita tal-passat mal-preżent. Trams antiki telgħin u neżlin mat-tlajja tagħha, filwaqt li statwi enormi jimmarkaw kull pjazza. Taxis għaddejjin mit-toroq kollha ċagħaq u n-nies mlibbsa bl-aktar mod eleganti jqattgħu l-ħin fil-kafetteriji partikolari tal-belt. 

Wieħed mill-itwal pontijiet 'suspended' fid-dinja…il-kuġin ta' dak ta' San Francisco
Wieħed mill-itwal pontijiet 'suspended' fid-dinja…il-kuġin ta' dak ta' San Francisco

 

Jekk trid iddur mal-belt, irkeb wieħed mit-trammijiet. Tista’ tirkeb dawk moderni li jgħaddu riħ matul it-toroq inkella trammijiet li jmorru lura għall-1920 biex tgawdi eżatt l-atmosfera u ċ-ċekċik ta’ 80 sena ilu. Għalkemm vintage, dawn jitilgħu l-aktar tlajja iebsin u jgħaddu ċentimetri bogħod mill-karrozzi pparkjati, filwaqt li joffru lit-turisti veduti sbieħ b’arja friska bi ftit flus.

 

L-istorja ta’ Lisbona teħodna lura saż-żmien ir-Rumani iżda l-aqwa żmien tagħha huma bejn is-sekli 15 u 16 meta Vasco da Gama dar madwar l-Afrika u fetaħ rotot ġodda għal negozju mal-Indja li b’hekk għamel din il-belt waħda mill-aktar rikki fid-dinja.

 

Iż-żmien tal-iskoperti fil-Portugall kabbar l-ekonomija u l-kultura fil-bidu tas-seklu 15. Fil-bidu tas-seklu 17, id-deheb u d-djamanti mill-Brażil - waħda mill-kolonji Portugiżi -għamel lil Lisbona aktar sinjura.

 

Fl-1755 terrimot u tsunami qatlu 30,000 persuna

Il-kolonni bix-xquq tal-knisja San Domingo ifakkru f’waħda mill-akbar traġedji fl-istorja ta’ din il-belt. Fil-festa tal-qaddisin kollha tal-1755, meta kważi l-popolazzjoni kollha kienet fil-knisja, terremot mill-aktar qawwi faqqa’ fuq il-belt u tliet kwarti ta’ Lisbona ġiet midħuna fejn mietu 30,000 persuna. Kienu tliet diżastri f’daqqa, għax barra t-terremot, nirien kbar ħakmu l-belt filwaqt li mewġa enormi attakkat il-port.

 

Il-belt reġgħet inbniet mill-ġdid mill-prim ministru ditattur, il-markiż de Pombal fejn Lisbona l-ġdida ġiet mibnija bi pjan modern, b’toroq wesgħin u pjazez kwadri.

 

Fil-preżent, bil-pjazez li jissejħu Pombalini Lisbona ingħatat dehra friska u moderna bil-finanzi tal-Unjoni Ewropea. Tidher aktar nadifa, aktar organizzata u b’nies li huma ferm dħulin. Barra minn hekk, il-ħajja hi waħda effetivament irħisa.

 

Il-kastell ta’ San Ġorġ kien mibni mill-Musulmani Għarab li kienu ġew mill-Afrika u ħadu din il-belt fis-seklu 8. Wara li r-re Alfonso Henriques rebaħ lill-Għarab fis-seklu 12, dan il-kastell sar il-palazz irjali. Aktar tard, ir-re telaq il-palazz u dan kien spiċċa bħala rovina. Illum baqa l-qoxra tiegħu mdawra b’park f’ambjent trankwill, filwaqt li minn hemm fuq wieħed jista’ jara l-belt kollha taħtu. F’dan il-kastell kien twieled Sant Antnin ta’ Padova.

 

Il-kwartieri tal-baħrin f’Lisbona hu Alfama li jibqa’ nieżel mill-kastell sax-xmara. Imur lura madwar elf sena għal żmien l-Għarab. It-toroq ta’ dawn il-kwartieri kienu l-uniċi li salvaw mit-terremot tal-1755 u dan għen biex Alfama tieħu popolarità minħabba li fiha wieħed jista’ jmur lura fiż-żmien.

 

It-toroq ta’ Alfama huma dojoq u mserrpin filwaqt li l-bjut kważi jmissu ma’ xulxin u dan  jagħti dehra romantika lil din iż-żona. L-arja fil-madwar hi kollha riħa ta’ ħasil tal-ħwejjeġ u ta’ ħut. Hemm toroq li tant huma dojoq li minnhom jgħaddi biss persuna waħda.

 

Hawnhekk il-bibien iħalluhom miftuħa għax in-nies li jgħixu hemm jipproteġu lil xulxin u m’għandhomx bżonn pulizija. Mad-djar, issib statwi ta’ Sant Antin li hu l-patrun tas-sajjieda u hawn jgħixu ħafna sajjieda filwaqt li tara wkoll boroż tal-plastik bl-ilma għax jgħidu li jżommu d-dubbien barra u ma jidħlux jiffittawhom.

 

Iċ-ċentru ta’ Lisbona msejjaħ il-Baixa, illum hu shopping area b’żoni pedonali. It-triq prinċipali hi Rua Augusta.  

it-trammijiet li jgħaqqdu Lisbona minn fuq għal isfel
it-trammijiet li jgħaqqdu Lisbona minn fuq għal isfel

 

Biex jgħaqqad il-belt t’isfel mal-belt ta’ fuq, fl-1902 inbena l-lift ta’ Santa Ġusta, eżatt ftit snin wara l-kapolavur li kien l-ispirazzjoni ta dan l-istess lift, l-Eiffel Tower.

 

Ir-Rossio Train station iwassal lill-ħaddiema mis-subborgi u l-funikular jaħdem bla heda jtella’ u jniżżel lin-nies minn isfel għall-Bairro alto jew il-belt ta’ fuq.

 

Lisbona, il-kapitali tad-dinja li titkellem bil-Portugiż, hi taħlita sħiħa ta’ dak li darba kien l-imperu vast tagħha. Immigranti mill-eks kolonji tagħhom bħal Mozambique u Angola jżidu mad-diversità tal-pajjiż u jagħtu kulur lil din il-belt.

 

Hi belt mimlija taxis li jitħallsu biss skont il-meter. Ix-xufiera ssibhom kollha bit-tbissima u l-miżata hi waħda rħisa fejn il-lista tal-prezzijiet tkun imwaħħla mat-tieqa tat-taxi miktuba bil-lingwa Ingliża.

 

Tram teħodna d-downtown matul il-waterfront għad-distrett ta’ Belem, distrett li juri ż-żmien meta l-Portugall kien l-aktar pajjiż sinjur fl-Ewropa.

 

It-torri ta' Belem
It-torri ta' Belem

Belem kien salva mit-terremot u għalhekk l-aktar nies sinjuri tal-Portugall għażlu li jgħixu hawn fi djar tal-injam flok djar tal-ġebel. Sal-lum, il-Palazz irjali jinsab wara dawn il-ħitan.

 

It-Torri ta’ Belem b’aktar dekorazzjonijiet Manuelini jipproteġi l-port ta’ Lisbona li kien l-aħħar xena li kienu jaraw mill-Portugall waqt li jsalpaw lejn artijiet ġodda u l-ewwel xena li jaraw meta jirritornaw bil-ħwawar u dehbijiet minn artijiet imbiegħda.

More in Divertiment