Londra: L-akbar Belt fl-Ewropa

Vjaġġ ieħor mal-Bużu

  • Mimlija storja, mużewijiet u nightlife
  • Oxford Street hi l-aktar triq kummerċjalment bieżla fl-Ewropa
  • Għandha l-aktar metro antik fid-dinja u l-aktar waħda estensiva

 

Londra hi l-akbar belt metropolitana u l-aktar popolata mhux biss fl-Ingilterra kollha iżda mill-Unjoni Ewropeja kollha. Londra jgħixu fiha 10 miljun persuna iżda kuljum ikollha 2 miljun viżitatur iżurha.

 

Il-London Underground hi l-aktar metro antika fid-dinja u l-aktar waħda estensiva taħt l-art fid-dinja kollha. Heathrow Airport hu l-aktar ajruport li fih attività fid-dinja fejn jitla’ jew jinżel ajruplan kull minuta.  

 

F’Londra barra x-xiri tista tgħix l-istorja wkoll

 

Londra hi mimlija storja. Storja li wieħed jista jgħixha permezz tal-monumenti li jagħmluha unika għax l-istorja ta’ Londra tmur lura żewġ millenji fejn kienet imwaqqfa mir-Rumani li kienu semmewha Londinium.

Interessanti ħafna li wieħed ikun jaf li l-belt antika ta’ Londra hi biss kbira mil kwadru (1sq mile) li hi d-distrett tal-finanzi, maġenb St Paul’s Cathedral li hi fil-fatt imsemmija bħala City of London. Iżda llum hi estiża mmens u għalhekk iddeċidejt li ngħinkom idduru dawra sew mal-istorja Londriża.

 

St Paul's Cathedral hu l-ogħla bini fis-City of London u kien l-ogħla bini f’Londra mill-1710 sal-1962. Dak li hemm illum, kien mibni fis-seklu 17 minn Sir Christopher Wren. Il-koppla tiegħu hi t-tieni l-akbar fid-dinja wara dik ta’ San Pietru.

Westminster Cathedral hi l-knisja prinċipali tal-kattoliċi fl-Ingilterra u hu l-katidral tal-Arċisqof ta’ Westminster. Hi l-akbar Knisja Kattolika fl-Ingilterra u m’għandha qatt tiġi mħallta ma’ Westminster Abbey li hi taċ-Church of England.

Westminster Abbey għandha storja ta’ aktar minn elf sena. Kienu l-Benedittini li okkupaw dan is-sit f’nofs is-seklu 10, u kienu stabbilew tradizzjoni ta’ adorazzjoni ta’ kuljum li għada ssir sal-ġurnata tal-lum. Mill-1066 kienet il-Knisja fejn isiru l-koronazzjonijiet tar-rejiet u rġejjen Ingliżi u hawn midfunin fiha 17-il re.

Big Ben hu l-laqam li ngħata lill-qanpiena ta’ dan l-arloġġ li jinsab fuq il-bini tal-Parlament Ingliż. Big Ben hu l-akbar arloġġ b’erba’ faċċati fid-dinja li jdoqq. Hu wkoll it-tielet l-ogħla arloġġ fid-dinja. Il-Big Ben beda jagħmel l-ewwel tokki tiegħu fil-31 ta’ Mejju 1859.

Ix-Xmara Thames hi x-xmara prinċipali li tgħaddi minn Londra u tibqa’ għaddejja minn Oxford, Reading u Windsor, u hi twila 346 kilometru. Hi l-itwal waħda fl-Ingilterra imma t-tieni fir-Renju Unit. L-itwal waħda hi s-Severn li tibda minn Wales u tispiċċa fl-Ingilterra u hi twila 354 kilometri. Biex taqsam ix-xmara Thames hemm 214-il pont, 20 mina u sitt public ferries.

Buckingham Palace Mill-1837 sar ir-residenza uffiċjali tal-monarkija Ingliża bl-ewwel reġina tkun ir-reġina Vittorja. Dawk li jżuru Londra ma jfallux li filgħodu jintefgħu fil-pjazza ta’ quddiem il-palazz irjali biex isegwi ċ-Changing of the Guards. Biex tasal hemm, trid timxi matul triq b’tarmak aħmar li jservi bħala tapit aħmar għall-monarkija Ingliża.

Tower Bridge. Ħafna jaħsbuh li dan hu l-London Bridge li attwalment hu l-ieħor li hemm ftit warajh. Jekk jirnexxielkom tkunu hemm meta jinfetaħ it-Tower Bridge, dan jieħu ħames minuti ħalli jgħaddi xi vapur minn taħtu. Dam jinbena 8 snin (1886-1894) u ħadmu fuqu 432 ħaddiem. Intużaw 31 miljun brikk, 2 miljuni viti u 22,000 litru ta’ żebgħa. Dak iż-żmien kien sewa €1,184,000 li jammonta għal €120 miljun tal-lum. Hu għoli 143 pied fuq l-ilma, u t-torrijiet huma għoljin 213 pied u hu twil 800 pied. 

Tower of London: Kien mibni minn William the Conquerer biex jipproteġi lil-Londra u biex juri s-saħħa tiegħu. It-Tower of London hi fortizza imponenti li fiha storja kbira fejn anke hemm il-Crown Jewels tar-Reġina.

Trafalgar Square: Il-kolonna kienet mibnija bejn l-1840 u l-1843 biex tikkomemora l-mewt tal-ammirall Nelson fil-battalja ta’ Trafalgar fl-1805. L-istatwa ta’ Nelson hi twila 5.5 metri u l-kolonna hi twila 46 metru u hi tal-granit. L-istatwa tħares lejn in-nofsinhar biex tkun qed tħares lejn in-naħa ta’ Portsmouth fejn il-vapur ta Nelson, l-HMS Victory qiegħed ankrat. Dan il-monument imdawwar bl-erba’ ljuni, hu l-aktar monument fotografat f’Londra.

Oxford Street: Din it-triq hi twila 2.5 kilometri li jiġu mil u nofs, u fiha madwar 300 ħanut. Fiha hemm 4 stazzjonijiet tal-Underground: Marble Arch, Bond Street, Oxford Circus u Tottenham Court Road. Ftit jafu li din it-triq kienet ukoll użata mir-Rumani u kien jisimha Via Trinobantina. Bejn is-seklu 12 u l-1782 din it-triq kienet tissejjaħ Tybum Road għax fin-nofs tagħha kienet tgħaddi x-xmara Tybum li llum hi għadejja minn taħt l-istess triq. Kien fis-seklu 19 li din it-triq imtliet bil-ħwienet u llum hi meqjusa bħala l-aktar triq kummerċjalment bieżla fl-Ewropa kolha.

 

Mużewijiet, Musicals u Nightlife

Barra dawn is-siti li wieħed jista’ jżur permezz tat-trasport pubbliku, ħallu ġurnata biex iżżuru l-British Museum, is-Science u n-Natural History Museum u n-National Art Gallery fi Trafalgar Square li għaliha ma tħallasx biex tidħol. U filgħaxija tħallux iċ-ċans li tmorru taraw xi musical jaħrabilkom minn idejkom għax żgur li bħal ta’ Londra m’hawn imkien fl-Ewropa. Il-pubs li hemm mifruxin jagħlqu fil-11 ta’ bil-lejl iżda wieħed jista’ jgawdi l-lejl f’diversi discos li hemm u anke xi ċinema. L-aħjar u l-irħas ikel issibu fil-pubs.

 

Kif tasal Londra

L-Air Malta, ir-Ryan Air u l-Easy Jet kollha għandhom titjiriet li joħduk f’wieħed mill-ajruporti li hemm Londra.

 

 

 

 

 

 

 

 

More in Divertiment