5 Minuti ma' Marco Parascandalo

Jekk taraw lil xi ħadd għaddej b’xi flokk jgħid SKANDLU, FAQA’ OĦT, INT BIS-SERJETÀ, jew X’GĦARUKAŻA żgur mhux forsi huwa ddiżinjat minn Marco Parascandolo – diżinjatur lokali li fuq l-flokkijiet għażel li jitfa’ frażijiet li nisimgħu ta’ kuljum speċjalment fuq fomm ż-żgħażaġħ – imma mhux biss!

Kif bdiet ir-relazzjoni tiegħek mal-moda? 

Dejjem kelli xi ftit jew wisq ġibda lejn il-moda. Niftakarni meta kont żgħir ommi kellha ħanut tal-ħwejjeġ żgħir fil-Birgu u jien kont noqgħod ngħinha. Imbagħad meta kbirt ftit aktar bdejt noħodha ftit aktar bis-serjetà – għax bdejt nagħti daqqa t’id sew fit-tmexxija tal-ħanut, kif ukoll ngħin fil-ħanut innifsu. Kont nagħmel il-visual merchandising – jiġifieri nara li l-vetrini u l-estetika tal-ħanut ikunu magħmulin sew. Kont nieħu ħsieb ukoll l-organizzazzjoni tal-ħanut, is-servizz tal-konsumaturi, u kont nagħżel ukoll liema ħwejjeġ jinxtraw bħala stock biex imbagħad jinbiegħu fil-ħanut. 

Kif bdejt tiddiżinja l-ħwejjeġ?

Dejjem kont inħares lejn l-affarijiet b’mod kreattiv. Barra minn hekk dejjem kelli, għandi u ħa jkolli passjoni kbira għall-ħwejjeġ u għal dak kollu li jġib miegħu. Għalija li ngħaqqad dawn it-tnejn f’daqqa, il-kreattività u l-ħwejjeġ ifisser l-iddiżinjar tal-ħwejjeġ. 

L-akbar sfidi li kellek taffaċċja?

Li tiddiżinja l-ħwejjeġ hawn Malta huwa eħfef fis-sens li biex tiġi rikonoxxut. Malta żgħira u l-kelma tiġri malajr – bejn gruppi soċjali u anke fuq il-mezzi tax-xandir. Imma fl-istess ħin li tkun f’pajjiż daqshekk żgħir iġib il-limiti tiegħu. Huwa aktar diffiċli li tikber u tferrex il-brand tiegħek b’mod internazzjonali għax Malta kemxejn iżolata u mhux magħrufa bħala xi ċentru għal moda fuq livell internazzjonali. 

Kif tiddeskrivi l-istil tiegħek?

Dak li bl-ingliż jgħidu trendy, cool, imma imbagħad fl-istess ħin inqis l-istil tiegħu kurrenti u sofistikat

X’tagħmel iżjed fil-ħajja?

Apparti li niddiżinja, jien naħdem bħala area manager ta’ tliet ditti tal-ħwejjeġ kbar f’Tas-Sliema. Barra minn hekk nagħmel xogħol ta’ buyer għal dawn il-ħwienet – jiġifieri nara liema stock ħa jinxtara biex jinbigħ minn dawn l-istess ħwienet. 

Xi proġetti tara għal iżjed ‘il quddiem?

Nittama li nista’ nikber aktar bħala diżinjatur Malti. Barra minn hekk nittama wkoll li jkolli opportunità biex neżebixxi l-kollezzjonijiet tiegħi kemm b’mod lokali kif ukoll barra minn Malta. Jiġifieri ibqgħu segwuni għax mhux ħa teħilsu minni għalissa! 

Li kieku kellek tilbes xi ħaġa għal ħajtek kollha, xi tkun?

Denim. Inħobbu wisq! Naħseb li vera faċli biex tilbsu – u naħseb li għandi għomri kollu nilbsu!

Malta Fashion Week u Malta Fashion Awards - x’taħseb? Ħa narawk fihom?

Naħseb il-Malta Fashion Week hija pjattaforma eċċellenti għall-moda lokali. Qed tikber b’rata mgħaġġla u aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed titjieb. Anzi, nixtieq li kieku tiġi organizzata aktar minn darba fis-sena biex b’hekk inkunu nistgħu neżebixxu l-kollezzjonijiet tagħna skont liema staġun ikun. Bħalissa ninstab ħerqan biex nara l-Malta Chamber of Fashion u l-Malta Fashion Association x’għandhom x’joffru! Naħseb jekk jingħataw biżejjed importanza, u jingħataw ukoll l-għodda meħtieġa, id-diżinjaturi lokali kif ukoll l-brands lokali għandhom futur b’mod internazzjonali. 

Imbagħad, min-naħa tiegħi huwa minnu li qed naħdem fuq kollezzjoni ġdida. Imma ma nistax nikxef xejn dwarha! Għalissa ħa nħalliha mistura wara bibien magħluqa – biex imbagħad nagħti sorpriża f’Mejju li ġej! 

Kieku kellek tiddiżinja t-shirt biex tiddeskrivi ħajtek fi ftit kliem - liema tagħżel?

Inħoss li diġà għamiltha – u fuqu ktibt SKANDLU!

X’kienet l-isbaħ esperjenza tiegħek? 

L-esperjenza tiegħi f’Londra kienet tassew importanti għalija. Għall-ewwel żgur ma kinitx xi esperjenza faċli. Din kienet l-ewwel darba li ma għixtx f’pajjiżi. Imma mhux biss – kienet l-ewwel darba li ma għixtx id-dar – li għixt waħdi. Sirt tassew indipendenti u risponsabbli. Londra belt li tista’ tieħu ħafna gost fiha – speċjalment in-naħa tal-lvant tagħha! Mhux ħa ninsa l-ġennati li għamilt ma sħabi, il-warehouse parties, l-iljieli li qattajt fi dress-up clubs, u fuq kollox l-avvenimenti tal-moda! Londra waħda minn dawk l-ibliet li hemm ħafna f’dak li għandu x’jaqsam mal-industrija tal-moda. Tista’ tgħid hemm kollox minn li taħdem f’ħanut tal-ħwejjeġ, għal li tkun stilist tal-moda, li tkun direttur kreattiv għal xi shoots tar-ritratti, li tagħmel xi internship ma’ xi ditta partikolari tal-ħwejjeg għal li tkun xi konsulent għal moda kemm ma ditti tal-ħwejjeġ kif ukoll ma’ konsumaturi. Li nista’ ngħid huwa li jien għamilt minn kollox. 

More in Hames Minuti