Opinjoni | It-teknoloġija li tagħraf l-uċuħ: perikoluża?

Li ninvestu fis-sigurtà tagħna ma jfissirx li għandna nċedu l-privatezza tagħna

San Francisco hi l-ewwel belt fl-Istati Uniti li pprojibiet l-użu mill-forzi tal-ordni ta’ teknoloġija li tagħraf l-uċuh. Probabbilment li ma jdumx ma jkun hemm bliet oħra fl-Istati Uniti li jagħmlu l-istess. Id-dibattitu f’ San Francisco ilu għaddej. Dawk li jaqblu mal-projbizzjoni huma tal-fehma li din it-teknoloġija mhux biss hi difettuża imma li hi wkoll ta’ theddida serja għad-drittijiet ċivili.

It-teknoloġija li tagħraf l-uċuħ hi invażiva. Fl-istat attwali tal-iżvilupp tagħha għadha difettuża imma għandha l-potenzjal li tkun preċiża 100%. Imbagħad tkun tista’ tintuża mhux biss biex jingħarfu l-uċuħ imma wkoll biex tkun identifikata informazzjoni oħra dwar dawk li jkunu fil-mira.

Riċerkaturi fl-Università Jiao Tong f’Shanghai fiċ-Ċina, għamlu żmien jesperimentaw b’ritratti ta’ persuni magħrufa bħala kriminali u oħrajn li mhumiex. Bħala riżultat tar-riċerka tagħhom qed jissuġġerixxu li t-teknoloġija użata tista’ tidentifika kriminali minn filmati ġodda b’ċertezza ta’ kważi 90%. Tal-biża’! 

Riċerkaturi fl-Università ta’ Stanford fl-Istati Uniti f’estratt minn studju li ser jippubblikaw dalwaqt, jindikaw, li t-teknoloġija għall-għarfien tal-uċuħ hi iktar preċiża mill-bniedem innifsu biex minn ritratti tagħraf l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna. Fir-riċerka tagħhom jgħidu li użaw ’il fuq minn 130,000 ritratt meħud minn siti elettroniċi fejn persuni jitkellmu dwar l-orjentazzjoni sesswali tagħhom.

Bla ebda dubju, maż-żmien jiġu identifikati iktar applikazzjonijiet possibbli ta’ din it-teknoloġija. Meta tkun ipperfezzjonata din it-teknoloġija tista’ tkun għodda tal-biża’ f’idejn reġim awtoritarju

Bħala riżultat ta’ analiżi bijometrika, jgħidu r-riċerkaturi, it-teknoloġija użata kapaċi tagħraf u tiddistingwi l-orjentazzjoni sesswali ta’ rġiel bi preċiżjoni ta’ 81% minn ritratt wieħed. Jekk ikun hemm aċċess għal ħames ritratti, il-preċiżjoni titla’ għal 91%, jgħidu r-riċerkaturi.

Bla ebda dubju, maż-żmien jiġu identifikati iktar applikazzjonijiet possibbli ta’ din it-teknoloġija. Meta tkun ipperfezzjonata din it-teknoloġija tista’ tkun għodda tal-biża’ f’idejn reġim awtoritarju.

Il-pulizija fir-Renju Unit, f’dawn iż-żminijiet qed japplikaw it-teknoloġija li tagħraf l-uċuħ għall-ordni pubbliku. Big Brother Watch, NGO li taħdem favur id-drittijiet ċivili fir-Renju Unit, identifikat li bl-użu ta’ din it-teknoloġija 9 minn kull 10 persuni arrestati kienu innoċenti għax it-teknoloġija ħadmet ħażin. 90% żbalji mhux ċajta f’materja daqshekk sensittiva. Biż-żmien, bla dubju, dan id-difett ikun irrimedjat u dan għax tkun akkumulata iktar data li tagħmilha possibli li jingħarfu l-uċuħ.  

Bi sħab mal-Huawei, il-ġgant Ċiniż fil-qasam tat-telekomunikazzjoni l-Gvern Malti qed ifassal proġett immirat lejn is-sigurtà tal-lokalitajiet: il-proġett Safe Cities. Tlett lokalitajiet jidher li ġew identifikati għal proġett pilota f’Malta: l-Marsa, San Pawl il-Baħar u Paceville.

Xi xhur ilu, l-Kummissarju għall-Ħarsien tad-Data f’Malta, meta kien intervistat, emfasizza li meta jkun ikkunsidrat l-użu tat-teknoloġija li tagħraf l-uċuħ  tinħtieġ attenzjoni kbira biex ikunu mħarsa drittijiet fundamentali tal-bniedem. 

Huwa emfasizza li kien obbligu tal-Gvern li jistudja din it-teknoloġija bir-reqqa biex ikun aċċertat l-effettività tagħha fil-ġlieda kontra l-kriminalità.  Il-Kummissarju għall-Ħarsien tad-Data huwa ippreokkupat ukoll dwar id-data akkumulta u l-potenzjal li din tintuża ħażin biex tintraċċa l-movimenti tal-persuni u b’hekk timmina d-dritt tal-privatezza.

It-teknoloġija li tagħraf l-uċuħ, bħal kull teknoloġija oħra, tista’ tintuża tajjeb imma tista’ ukoll tintuża ħażin.  Tista’ tgħinna nkunu iktar siguri, imma tista’ tgerrem (bla ma nindunaw) id-drittijiet tagħna.  Hemm il-potenzjal, imma hemm ukoll responsabbiltajiet kbar.

Bi storja ta’ istituzzjonijiet ta’ bla utilità li repetutament ma kienux kapaċi jieqfu lil dawk fil-poter, ma tantx qegħdin tajjeb. It-teknoloġija għall-għarfien tal-uċuħ tista’ tikkonċentra wisq informazzjoni (u poter) f’idejn il-pulizija. Dan jista’ jkun perikoluż jekk il-kontroll fuq l-informazzjoni miġbura ma tkunx waħda qawwija.

Li ninvestu fis-sigurtà tagħna ma jfissirx li għandna nċedu l-privatezza tagħna. 

F’din l-era diġitali hu meħtieġ li s-sorveljanza tkun kontabbli quddiem istituzzjonijiet demokratiċi msaħħa. Kif dan jista’ jsir għadu kmieni imma hu essenzjali għax il-Huawei flimkien mal-pulizija jistgħu jiffurmaw team perikoluz għad-demokrazija tagħna.

Is-soluzzjoni addottata minn San Fransisco tista’ tkun meqjusa bħala radikali wisq.  Imma sakemm ikun assigurat li s-sorveljanza tkun soġġetta għal kontabilità demokratika, ma tantx jidher li hemm soluzzjonijiet.

More in Blogs