Opinjoni | Wasal iż-żmien għal politika matura

Tista’ sserraħ rasek li l-affarjiet ma jinbidlux, anki jekk jerġa’ jitla’ fil-gvern il-Partit Nazzjonalista

Nhar is-Sibt ser noħorġu nivvotaw, biex niddeċiedu f’idejn min irridu nafdaw il-futur tagħna. Din l-elezzjoni forsi mhix importanti daqs l-elezzjoni ġenerali, imma għall-partiti ż-żgħar, li jiddependu fuq xogħol volontarju biss, dan ser ikun kejl ta’ jekk is-soċjetà tagħna tridx tibqa’ tgħum fl-istess ilma qiegħed, jew inkella tridx gvern aktar trasparenti u politika aktar nadifa.

Imma eżattament x’inhu dan l-ilma qiegħed? Ħeqq... għal nofs seklu rbatna ruħna ma’ soċjetà ddominata mill-aħmar u mill-blu. Ħafna minna twelidna ġewwa partit minnhom u qatt ma jiġina f’rasna nistaqsu jekk il-lealtà tagħna hijiex f’lokha, kemm jekk hija blu u kemm ħamra; ta’ bejniethom l-anqas inqisuh!

Waqt li nikbru, nisimgħu xnigħat u stejjer dwar “tal-partit l-ieħor”. Saħansitra meta nitkellmu, ma ngħidux “dak jivvota PN jew PL”, imma minflok ngħidu “dak Laburist jew Nazzjonalist”. Il-partit li nżommu miegħu jispiċċa parti mill-identità tagħna, sakemm ma niltaqgħux ma’ xi ċirkostanza li tibdlilna ħajjitna, jew xi sfida jew opportunità.

Int kuntent li l-investituri u l-barunijiet tal-qalba qegħdin ifarrku dak li fadlilna mill-wirt naturali u storiku tagħna?

Għaliex? Għax aħna poplu emozzjonali, niġġieldu mal-għadu, niġġieldu għal dak li hu għażiż għalina, niddefendu lill-familja u lill-għeżież tagħna. Din l-emozzjoni u lealtà għamja nagħtuha wkoll lil xi tim tal-futbol u, m’għandniex xi ngħidu, lil xi partit politiku. Issa, waqt li l-futbol huwa logħba, il-politika mhi xejn minn dan. Madankollu, ir-rabta mal-partit tagħna hija b’saħħitha daqs dik ta’ mat-tim tal-futbol tagħna, l-aktar meta l-kulur poliltiku nistgħu nsarrfuh fi xi pjaċir.

Imma fl-aħħar mill-aħħar, ilkoll għandna r-responsabbiltà lejn pajjiżna, lejn uliedna u lejna nfusna. Mela forsi wasal iż-żmien li nieqfu u naħsbu u naraw jekk għandniex noħorġu minn qoxritna u nistaqsu jekk hux tassew irridu l-istess ilma qiegħed għas-snin li ġejjiin.

•       Int kuntent li l-iżviluppaturi qegħdin jisirqulna l-ispazju, l-arja u l-ħin, biex huma jibnu l-appartamenti u l-lukandi u fl-istess waqt jiġbdu aktar nies lejn din il-gżira li diġà hija mimlija daqs bajda?

•       Int kuntent li l-investituri u l-barunijiet tal-qalba qegħdin ifarrku dak li fadlilna mill-wirt naturali u storiku tagħna?

•       Int kuntent li kulma jmur, anqas u anqas Maltin jistgħu ikollhom dar (mhux appartament), għax id-djar għandhom biex jixtruhom biss il-miljunarji?

L-affarjiet ma jinbidlux, anki jekk jerġa’ jitla’ fil-gvern il-Partit Nazzjonalista, għax probabbilment hemm ħafna pjaċiri x’jitpattew, l-aktar meta tqis is-sitwazzjoni finanzjarja mwiegħra tagħhom

•       Aħna rridu li s-sinjur jistagħna aktar, waqt li l-ħaddiem ibati biex ilaħħaq mal-ħajja?

•       Int kuntent tara l-bejgħ lill-barranin ta’ dak li tant ħadmu għalih missirijietna, bħalma kienu l-Mid Med Bank, l-isptarijiet u l-power station?

Tista’ sserraħ rasek li l-affarjiet ma jinbidlux, anki jekk jerġa’ jitla’ fil-gvern il-Partit Nazzjonalista, għax probabbilment hemm ħafna pjaċiri x’jitpattew, l-aktar meta tqis is-sitwazzjoni finanzjarja mwiegħra tagħhom.

Mela issa rridu niddeċiedu! Irridu l-istess ilma qiegħed? L-istess politika mmoffata li tpaxxi lill-barunijiet? Jew irridu nagħmlu kuraġġ u nagħżlu futur isbaħ u aktar nadif, għalina u għal uliedna? B’xorti tajba, għandna opportunità tad-deheb biex inġibu l-bidla f’Malta u din jisimha Partit Demokratiku. Mela jekk trid il-bidla, ħu sehem fiha u vvota Oranġjo.

Martin Cauchi Inglot huwa kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Demokratiku

More in Blogs