Opinjoni | Għawdex f’qalbna

Ir-realtajiet tagħna l-Għawdxin, Gvern Laburista ma ħbiehomx taħt it-tapit

Għawdex - gżira ċkejkna, mimlija storja u bi ġmiel naturali. Din hi l-perspettiva ta’ ħafna li jżuru din il-gżira. Filwaqt, li għal ħafna hija post ta’ rilassament, għalina l-Għawdxin, din il-gżira hija d-dar tagħna. Għalina li ngħixuhom kuljum, il-karatteristiċi ġeografiċi t’Għawdex, iġibu magħhom diffikultajiet konsiderevoli u sfidi uniċi.

L-insularità doppja ta’ gżiritna u n-negliġenza tal-Partit Nazzjonalista fi żmien preċendenti wassal biex dil-gżira li tant ngħożżu sofriet minn nuqqas kbir ta’ investiment, li saħansitra tellef lil Għawdex mill-potenzjal tiegħu.

Għawdxin daqsi żgur jiftakru kif Għawdex kien ikun mejjet, partikolarment fiż-żminijiet tax-xitwa. Li jkollok negozju għal rasek kien riskju, għaliex l-investiment f’Għawdex ma kienx jingħata prijorità. Li tikkunsidra li tistabilixxi impjieg stabbli f’Għawdex lanqas biss kienet tgħaddi mill-imħuħ, għax l-intrapriżi ma kellhom l-ebda inċentiv li jistabilixxu lilhom infushom fi gżiritna. Imbagħad hemm ir-realtà l-oħra ta’ min irid jivvjaġġa kuljum għax-xogħol f’Malta jew min bħali jkollu jinqata’ minn mal-familja u jikri post f’Malta biex jevita li jkollu jaqsam il-fliegu ta’ kuljum – spejjeż żejda, imma sagrifiċċji li l-familji Għawdxin ikollhom jagħmlu, speċjalment sabiex jinvestu fl-edukazzjoni ta’ wliedhom.

Dawn ir-realtajiet tagħna l-Għawdxin, Gvern Laburista ma ħbiehomx taħt it-tapit. Għarafhom, u xammar il-kmiem biex jindirizzahom. Hu għalhekk li l-ħidma ta’ dan il-Gvern hi immirata lejn il-ħolqien ta’ inċentivi f’Għawdex għall-investituri, it-turisti lokali u internazzjonali, it-tneħħija tal-insularità doppja, u dan kollu b’mod sostenibbli, sabiex gżiritna terġa’ tieħu l-ħajja.

Wasal iż-żmien li nitkellmu bis-serjetà fuq id-diffikultajiet li naffaċjaw aħna l-Għawdxin, anke fil-kuntest Ewropew.

Dan il-Gvern investa bis-sħiħ f’Għawdex, speċjalment fl-oqsma soċjali, industrijali u dak mediku. Rajna l-ftuħ ta’ one-stop shop għas-servizzi tal-persuni b’diżabilità f’Għajnsielem, u żieda fis-sodod u servizzi għall-anzjani. Kellna wkoll investiment sostanzjali fl-iskola ta’ Barts u fl-isptar ġenerali. Sa dil-ġimgħa stess, infetħet sala speċifikament iddedikata għall-ortopedija f’Għawdex. Esperjenzajna wkoll miżuri għall-ħolqien tal-impjieg, bħall-approvazzjoni ta’ 11-il proġett li se jibdew joperaw miż-żona industrijali tax-Xewkija, u l-iskema ta’ rifużjoni t’impjiegi f’Għawdex.

Aħna l-Għawdxin nafu li dan hu kollu pożittiv, iżda mhux biżżejjed biex jindirizza snin twal ta’ telqa u abbandun. Hemm bżonn ta’ aktar investiment f’oqsma tat-teknoloġija u s-servizz finanzjarju, l-agrituriżmu u t-turiżmu sostenibbli, u xogħol relatat mar-restawr, fost oħrajn. Dawn l-inizjattivi għandhom iservu biex iqajmu l-ekonomija Għawdxija b’mod sostenibbli – b’mod li l-karatteristiċi Għawdxin ma nitilfuhomx, anzi, nippreservawhom f’era moderna.  

L-ikbar sfida tibqa’ dejjem dik infrastrutturali. L-infrastruttura preżenti bejn il-gżejjer m’għadhiex biżżejjed biex taqdi l-bżonnijiet ta’ pajjiżna. Filwaqt li nilqgħu proposti ta’ aktar investiment fi trasport aċċessibbli li kapaċi jtaffu ftit din is-sitwazzjoni, hemm il-bżonn ta’ konnessjoni permanenti bejn Malta u Għawdex.

Il-kritika li smajt u li indirizzajt matul din il-kampanja dwar il-mina bejn il-gżejjer hi pożittiva – għas-sempliċi raġuni li hi kollha mnebbħa mill-biża’ li ser nitilfu l-ġmiel naturali Għawdxi. Hu tajjeb li hawn min hu kkonċernat dwar l-ambjent Għawdxi, iżda jien ma narax in-nies bejn il-mina u din l-allegata qirda jekk ikun hemm ippjanar serju. Jien nisħaq li meta ppjanati u eżegwiti b’għaqal, inizjattivi u politiki biex jindirizzaw l-insularità doppja t’Għawdex, u jkattru l-ekonomija lokali tagħna, għandhom iwasslu għall-preservazzjoni reali tal-karatteristiċi Għawdxin.

L-insularità doppja ta’ gżiritna u n-negliġenza tal-Partit Nazzjonalista fi żmien preċendenti wassal biex dil-gżira li tant ngħożżu sofriet minn nuqqas kbir ta’ investiment

Minflok nieqfu mal-biża’ tal-mina, nippreferi li kieku naħdmu għal  masterplans urbani u rurali għall-bliet u rħula Għawdxin, li jagħrfu l-preġju Għawdxi, u li jiġu infurzati strettament.

Wasal iż-żmien li nitkellmu bis-serjetà fuq id-diffikultajiet li naffaċjaw aħna l-Għawdxin, anke fil-kuntest Ewropew. Xogħli fi Brussell se jkun qed jara li l-isfidi tagħna jiġu rikonoxxuti u jingħataw prijorità, għaliex l-Għawdxi hu ċittadin Ewropew daqs il-500 miljun ċittadin ieħor.

Fl-istituzzjonijiet Ewropej, irrid nenfasizza fuq il-bżonn li r-regoli dwar għajnuna tal-istat, u regoli oħrajn li jxekklu żoni żgħar u speċjali bħal Għawdex, jiġu emendati sabiex ma jibqgħux iżommu gżejjer żgħar neqsin mill-investiment dirett li jeħtieġu biex jibqgħu jiżviluppaw.

Għawdex jistħoqqlu jkun fuq quddiem tal-prijoritajiet tar-rappreżentanti ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea. Bħala Għawdxija, jekk ningħata l-fiduċja tagħkom, ser inkun qed nara li gżiritna tingħata l-attenzjoni u l-ħidma li għandha bżonn.

Josianne Cutajar hija kandidata Laburista għall-Parlament Ewropew

More in Blogs