Opinjoni | Ambjent xieraq għal pajjiżna

Aħna rridu nixprunaw ’il quddiem il-bidliet fil-lokalitajiet tagħna, l-istess bidliet li qed nagħmlu fuq bażi nazzjonali

Meta wieħed isemmi ambjent, l-ewwel li tiġi f’moħħu huwa n-natura, il-kampanja. Imma l-ambjent huwa wkoll dak kollu li bħala soċjetà jaffettwana mill-qrib. L-ambjent kulturali, dak edukattiv, l-ambjent kreattiv. Anki li jkollok pajjiż b’demokrazija b’saħħitha huwa ambjent li huwa dehen għas-soċjetà.

Din il-ġimgħa rajna kif l-ambjent demokratiku b’saħħtu li dan il-gvern ġab ’il quddiem, kien mhedded mill-Partit Nazzjonalista. Il-Partit Nazzjonalista ried iwaqqaf elezzjoni fi 23 lokalità, kollha fin-Nofsinhar ta’ Malta. Ried jitratta r-residenti tan-naħa ta’ isfel ta’ pajjiżna, billi jnaqqsilhom dritt demokratiku – dak tad-dritt bażiku li jivvutaw.

Ir-risposta tal-poplu għandha tkun ċara. Il-poplu se jwieġeb lura billi jkun hemm vot b’saħħtu fil-25 ta’ Mejju li ġej favur il-kandidati kollha tal-Partit Laburista.

Aħna rridu nixprunaw ’il quddiem il-bidliet fil-lokalitajiet tagħna, l-istess bidliet li qed nagħmlu fuq bażi nazzjonali.

X’inhi l-għażla li għandu l-poplu quddiemu? Għażla bejn min lanqas kapaċi jorganizza Partit, aħseb u ara kemm huwa kapaċi jmexxi pajjiż u Partit li qed jikseb ir-riżultati kemm fuq bażi Nazzjonali imma wkoll fuq bażi lokali.

Nieħu gost nara rapporti li huma mfassla minn entitajiet barranin li ma jħarsux minn lenti partiġġjana imma jħarsu lejn l-istampa kif hi fil-verità.

Il-Ġimgħa kien ippubblikat rapport imsejjaħ Justice Scoreboard. Dan juri kif il-pubbliku u l-kumpaniji Maltin jemmnu li l-indipendenza tal-ġudikatura ssaħħet.

Il-Partit Nazzjonalista ried iwaqqaf elezzjoni fi 23 lokalità, kollha fin-Nofsinhar ta’ Malta

Dan huwa s-sodisfazzjon tagħna. Li naraw li dak li b’għaqal qed naħdmu fuqu qed jagħti r-riżultati. 

Ir-rapport li semmejt huwa tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-effiċjenza tal-qasam tal-ġustizzja fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.

Fih naqraw u ninnutaw li huwa pożittiv immens li l-pubbliku Malti saħħaħ konsiderevolment il-fehma tiegħu li l-ġudikatura hija tassew indipendenti din is-sena mqabbel mas-snin ta’ qabel. Anke l-kumpaniji f’Malta din is-sena saħħew il-fehma tagħhom li l-ġudikatura hija indipendenti wara li ġie rreġistrat tnaqqis fis-sena ta’ qabel.

Il-Justice Scoreboard ta’ din is-sena jħares ukoll lejn l-effiċjenza tas-sistema tal-ġustizzja rreġistrata matul is-sena 2017.

Waqt li fadal sfidi li jridu jingħelbu, jirriżulta li għal darb’oħra l-ħidma biex tiżdied l-effiċjenza fil-qrati tagħna kompliet tagħti l-frott u pajjiżna qiegħed fit-triq it-tajba anke f’dan is-settur.

Fil-fatt, il-qrati tagħna komplew inaqqsu ż-żmien meħtieġ biex jinqatgħu kawżi ċivili, kummerċjali, amministrattivi u oħrajn fejn jispikka t-titjib b’saħħtu ħafna rreġistrat bejn l-2010 u l-2017. L-isfida hija li dan it-titjib ikun rifless ukoll fil-Qrati tal-Appell Ċivili u kien għalhekk li l-Gvern waqqaf sede oħra tal-Qorti tal-Appell (Sede Superjuri) iktar kmieni f’din il-leġiżlatura biex jiżdied l-ammont ta’ kawżi deċiżi f’dan ir-rigward.

Huwa pożittiv ukoll li n-numru ta’ kawżi pendenti baqa’ stabbli fil-livelli tajbin tas-sentejn ta’ qabel, tant li pajjiżna għandu t-tmien l-inqas ammont ta' kawżi pendenti fil-kamp ċivili, kummerċjali u amministrattivi fost it-28 stat tal-Unjoni Ewropea. Dan fl-istess waqt li pajjiżna għandu r-raba’ l-inqas numru ta’ ġudikanti ras għal ras fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

Pajjiżna jirreġistra riżultati tajbin ukoll fil-parteċipazzjoni tal-ġudikanti fit-taħrig (ir-raba’ post), fl-ammont ta’ avukati ras imb ras (il-ħames post) u f’oqsma varji tal-informatika.

Il-Gvern huwa kommess li jkompli jtejjeb il-qasam tal-ġustizzja, li huwa pilastru ewlieni tad-demokrazija ta’ pajjiżna.

***

Qed nieħdu ħsieb l-ambjent ta’ madwarna. Mhux biżżejjed li l-poplu qed jibbenifika minn kull settur. Irriduh jgħix f’ambjent xieraq ukoll.

Qabel nispjega x’qed nagħmlu, tajjeb li ngħid li trid tidħol aktar kuxjenza dwar iż-żamma tal-ambjent. Għalfejn qed ngħid dan?

Dil-ġimgħa rajna kif id-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni ġabret aktar minn 16,000 tunnellata ta’ skart mormi b’mod illegali fl-2018. Mhux tunellata jew tnejn! Waqt żjara fil-parti magħrufa bħala Tal-Papa f’Birżebbuġa, fejn qiegħed isir xogħol estensiv mid-diviżjoni, rajna li din is-sena diġà nġabru iktar minn 128 tunnellata ta’ skart illegali minn din il-parti.

Dil-ġimgħa rajna kif id-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni ġabret aktar minn 16,000 tunnellata ta’ skart mormi b’mod illegali fl-2018

Din id-diviżjoni tagħmel l-almu tagħha kuljum biex tiżgura li pajjiżna jinżamm nadif u miżmum sew, u aħna impenjati biex inkomplu ntejbu l-lokalitajiet tagħna għall-ġid tal-komunità. Permezz ta’ dan kollu, qegħdin niżguraw spazji aktar nodfa u siguri għall-familji tagħna, biex jitgawdew u jiġu apprezzati.

Dan il-lokal fin-Nofsinhar ta’ Malta, huwa wieħed mill-ħafna lokalitajiet li qegħdin jitnaddfu minn din id-diviżjoni. Jekk tieħu total tara wkoll li din is-sena biss, sal-aħħar ta’ Marzu nġabru ’l fuq minn 4,500 tunnellata ta’ skart illegali.

Dan huwa abbuż mill-ambjent tagħna. Speċjalment meta wieħed iqis li hemm entitajiet li jgħinuk teħles mill-iskart tiegħek u hemm ukoll postijiet legali fejn wieħed jista’ jarmi dan l-iskart.

Tajjeb li wieħed jgħid li d-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni hija kommessa li tkompli toffri dan ix-xogħol f’aktar lokalitajiet li qegħdin isofru minn abbuż ta’ rimi ta’ skart illegali. Din id-diviżjoni qiegħda fi qbil mal-LESA biex jiġu infurzati, u għalhekk imnaqqsa, dawn l-illegalitajiet f’diversi postijiet madwar Malta.

***

Waqt il-festeġġjamenti ta’ San Girgor fiż-Żejtun, niedejt it-12-il edizzjoni konsekuttiva ta’ ‘Għanafest’. Din hija ċelebrazzjoni tal-wirt lokali u Mediterranju. Il-festival iservi ta’ pjattaforma ewlenija għall-mużika folkloristika li jgħin mużiċisti u kantanti Maltin jesponu ruħhom quddiem udjenzi ikbar.

Huwa permezz ta’ inizjattivi bħal din li nkunu nistgħu nkomplu nippromovu t-talent lokali, filwaqt li niżguraw li s-settur artistiku u kulturali huwa aċċessibbli għal kulħadd. Fil-fatt il-mira tagħna hija li nkomplu nsaħħu dan is-settur, li għandu parti importanti fil-prodott lokali tagħna bħala soċjetà, u dan huwa possibbli permezz ta’ avvenimenti ta’ din is-sura.

Din is-sena, l-‘Għanafest’ li se jittella’ fil-Ġonna tal-Argotti bejn il-21 u t-22 ta’ Ġunju, għandu żwieġ li jgħaqqad elementi tradizzjonali, moderni u kontemporanji flimkien sabiex jinħoloq dan il-festival uniku. Interessanti li din is-sena se jkun hemm ukoll sessjonijiet interattivi ta’ tisjir, li matulhom kokijiet se juru kif għandu jissajjar u jiġi ppreżentat il-ħut Malti u nisa ta’ sajjieda Xlukkajri se jsajru l-aljotta tradizzjonali Maltija u jdewquha lill-pubbliku. It-tfal se jkollhom ukoll l-irkejjen tagħhom b’logħob tradizzjonali, apparti rkejjen litterarji b’djalett u wkoll wirjiet artiġjanali tipiċi Maltin.

Dan kollu huwa parti mill-istrateġija tal-Ministeru fejn tidħol il-kultura. Dik li tressaq dejjem aktar il-kultura lejn il-poplu, tippriserva t-tradizzjonijiet kulturali u wkoll tara li l-kultura tkun aċċessibbli għal kulħadd.

More in Blogs