Opinjoni | L-Awtorità tal-Artijiet raqdet?

Qatt mhu tard biex tikkoreġi l-iżbalji. Żbalji li setgħu faċilment ġew evitati kieku ġew ikkonsultati l-Kunsilli Lokali

Id-dokument tal-Awtorità tal-Ippjanar intitolat Policy, Guidance and Standards for Outdoor Catering Areas on Public Open Space kien approvat f’Ġunju 2016. Permezz ta’ dan id-dokument hu rregolat it-tqegħid ta’ siġġijiet u mwejjed fi spazji pubbliċi minn stabbilimenti li jservu l-ikel. Fid-daħla għal dan id-dokument jintqal li l-possibilità li spazju pubbliku jintuża b’dan il-mod jgħin fit-tisħiħ tal-valur ta’ dawn l-istabilimenti li jservu l-ikel.

It-triq li wasslet biex ikun konkluż u approvat dan id-dokument kienet waħda meqjusa bħala proċess ta’ simplifikazzjoni tal-proċess burokratiku, biex is-sidien tan-negozju jinqdew malajr u ma joqogħdux jaħlu ħafna ħin jiġru minn uffiċċju għall-ieħor biex jinkiseb permess! Kien hemm diversi entitajiet involuti.  Però, l-iktar important minnhom, il-Kunsilli Lokali, ma kinux hemm. Dan hu rifless fid-dokument innifsu għax dan iħares l-interessi tan-negozju iżda ftit li xejn jagħti kas tal-interessi tar-residenti.

Id-dokument jipprovdi illi meta jkunu kkunsidrati applikazzjonijiet għal permessi biex stabilimenti li jservu l-ikel jokkupaw spazju pubbliku bi mwejjed u siġġijiet għandu jkun assigurat li jitħallew passaggi mhux okkupati biex minnhom ikun jista’ jgħaddi l-pubbliku mingħajr diffikultà. Għandu anke jkun assigurat li l-aċċess għal proprjetà ta’ terzi persuni kif ukoll għal servizzi pubbliċi jitħalla liberu. Id-dokument jinsisti wkoll li fuq bankini f’toroq li minnhom jgħaddi traffiku b’veloċità kbira m’għandhomx jinħarġu permessi għall-imwejjed u siġġijiet.

ekk l-Awtorità tal-Artijiet ser iddum wisq ma tiċċaqlaq ser ikollha terfa’ r-responsabbilità għall-ewwel karozza li tispiċċa tkaxkar filliera mwejjed bin-nies madwarhom

Minkejja dan kollu, ipprova imxi fuq il-bankina fix-Xatt tal-Gżira fid-direzzjoni lejn Tas-Sliema u mbagħad ipprova kompli għaddej lejn ix-Xatt ta’ Tignè.  Ikollok diffikultà konsiderevoli biex tgħaddi għax il-ħwienet, bil-barka tal-awtoritajiet, irnexxielhom jittrasforma proprjetà pubblika f’parti integrali min-negozju tagħhom. Jirnexxilek tgħaddi b’diffikultà kbira. Għar-residenti li joqogħdu fl-appartamenti fuq dawn in-negozji d-diffikultà hi ferm ikbar.

Dan hu r-riżultat ta’ politika li tpoġġi l-interess tan-negozji qabel l-interess tar-residenti. Infrastruttura aċċessibbli u sikura mhix prijorità fil-politika tal-Gvern u l-awtoritajiet pubbliċi.  

Riċentement, fl-aħħar, l-Awtorità tal-Artijiet ħadet id-deċiżjoni tajba li tirrifjuta applikazzjoni mis-sidien ta’ lukanda fix-Xatt tal-Gżira biex żona riservata għall-parking tkun tista’ tintuża ħalli fuqha jitpoġġew siġġijiet u mwejjed li minnhom isservi l-ikel. Meta s-sidien tal-lukanda kkontestaw id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Artijiet huma ngħataw deċiżjoni mit-Tribunal Amministrattiv li bħalha ma tantx ikollna.

F’din id-deċiżjoni ġie enfasizzat li l-politika dwar it-tqegħid tal-imwejjed u s-siġġijiet fi spazji pubbliċi biex minnhom jisserva l-ikel tipprojibixxi li dawn jitqiegħdu fil-viċinanzi ta’ toroq arterjali inkella minn fejn jgħaddi traffiku b’veloċità sostanzjali. In-nies, qalet id-deċiżjoni, għandhom ikunu mħarsa mit-traffiku, mill-istorbju kif ukoll minn arja mniġġsa.  

Dan hu r-riżultat ta’ politika li tpoġġi l-interess tan-negozji qabel l-interess tar-residenti. Infrastruttura aċċessibbli u sikura mhix prijorità fil-politika tal-Gvern u l-awtoritajiet pubbliċi

L-inċidenti fil-fatt iseħħu. Madwar disa’ xhur ilu, f’Lulju 2018, Olandiż ta’ 25 sena li kien miexi għall-affari tiegħu tul ix-Xatt ta’ San Ġiljan ġie mtajjar minn karozza li kienet għaddejja b’veloċità esaġerata u li kienet misjuqa minn żagħżugħ ta’ 20 sena li skont ma kien irrappurtat kien qabeż il-limitu permissibli ta’ alkoħol li seta’ jixrob. L-Olandiż miet. Oħrajn weġġgħu. Saret ukoll ħsara konsiderevoli.

Minkejja dan kollu għadna nistennew lill-Awtorità tal-Artijiet biex tieħu passi f’diversi lokalitajiet biex fejn fil-passat inħarġu permessi għal imwejjed u siġġijiet fuq bankini u spazji pubbliċi oħra li huma viċin wisq ta’ toroq li minnhom jgħaddi traffiku b’veloċità kbira, dawn il-permessi jkun ikkunsidrati mill-ġdid u jiġu rtirati. Jekk l-Awtorità tal-Artijiet ser iddum wisq ma tiċċaqlaq ser ikollha terfa’ r-responsabbilità għall-ewwel karozza li tispiċċa tkaxkar filliera mwejjed bin-nies madwarhom. 

Qatt mhu tard biex tikkoreġi l-iżbalji. Żbalji li setgħu faċilment ġew evitati kieku ġew ikkonsultati l-Kunsilli Lokali.

Meta ser tiċċaqlaq l-Awtorità tal-Artijiet?

More in Blogs