Editorjal | Marie Louise; Politiku u President ta’ suċċess (bla kwoti)

Coleiro Preca hija xhieda ħajja bħal ħafna oħrajn qabilha li l-mara mhux vera għandha bżonn il-kwoti biex titla’ l-iskaluni

Fis-sigħat li ġejjin jiġi fi tmiemu t-terminu tal-President Marie Louise Coleiro Preca, President li, simili ħafna bħal ta’ qabilha, kienet qrib in-nies u matul l-aħħar ħames snin baqgħet tiltaqa’ man-nies, tgħin fejn tista’ u titkellem f’isimhom.

Coleiro Preca żammet sod mal-prinċipju tas-solidarjetà lejn dawk kollha li kienu vulnerabbli, anke jekk fil-bżonn kien hemm raġel jew mara ta’ ġilda sewda. Kellha diskorsi b’saħħtihom favur il-ħarsien tad-drittijiet, it-tolleranza u l-imħabba lejn min huwa differenti u dan għamilha vuċi b’saħħitha fi żmien fejn sar faċli, jekk mhux mistenni, li d-deni nitfgħuh f’ħoġor min huwa differenti.

L-eżempju tagħha kaxkar, hekk kif minkejja t-tgħajjir u l-insulti ma bidlitx kliemha. Baqgħet titkellem għaż-żgħir u għal min jinsab fil-bżonn tal-għajnuna.

Din il-gazzetta tapprezza s-sens ta’ dover li kellha Coleiro Preca lejn il-ħaddiem u d-drittijiet tiegħu. Illum, bi sfortuna, qed ngħixu fi żmien fejn il-profitti saru l-allat tagħna u dawn jiġu qabel kull kunsiderazzjoni oħra, saħansitra qabel il-benesseri tal-ħaddiem li mingħajru intrapriża tikkrolla.

L-eżempju tagħha kaxkar, hekk kif minkejja t-tgħajjir u l-insulti ma bidlitx kliemha. Baqgħet titkellem għaż-żgħir u għal min jinsab fil-bżonn tal-għajnuna

Coleiro Preca baqgħet vuċi soda għall-foqra, għal dawk fuq il-post tax-xogħol, għal dawk f’kirja u għal dawk li forsi sfaw vittmi ta’ suq bla ħniena.

Madanakollu, din il-gazzetta kkritikat bil-qawwi lil Marie Louise Coleiro Preca fuq il-kwistjoni tal-IVF u tibqa’ ssostni li kien ikun aħjar kieku ċediet postha, ladarba kienet tħoss li din il-leġiżlazzjoni li qed tippermetti aktar iffriżar ta’ embrijuni, kienet tmur daqstant kontra l-kuxjenza tagħha. Dakinhar konna għedna li kienet toħroġ iktar b’saħħitha kieku ħalliet is-siġġu. Sfortunatament, għażlet li tibqa’.

Forsi stennejna hekk ukoll għaliex Coleiro Preca hija waħda mill-ftit politiċi li għad fadal li żammet sod mal-prinċipji xellugin tagħha, f’baħar ta’ politiċi u dawk madwarhom li l-prinċipji jdawruhom skont fejn ixxommu l-flus! Bħal donnu Coleiro Preca kienet waħda mill-ftit kolonni wieqfa li kien għad fadal u li jirrappreżentaw is-saħħa tas-solidarjetà u tal-wens.

U t-tmiem tal-Presidenza ta’ din il-mara Qormija ma setax ġie fi żmien aħjar milli issa, meta qed niddiskutu l-bżonn li niddiskriminaw favur in-nisa biex inżidu lis-sess femminil fil-Parlament.

Coleiro Preca; Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista, Ministru u issa President tar-Repubblika, hija xhieda ħajja bħal ħafna oħrajn qabilha li l-mara mhux vera għandha bżonn il-kwoti biex titla’ l-iskaluni, għax l-iskaluni kapaċi titlagħhom waħedha.

Bħalha, l-eks Ministru Laburista Agatha Barbara telgħet l-iskaluni tal-politika meta l-mara bilkemm konna nimmaġinawha fil-politika, aħseb u ara kemm kellna ‘positive discrimination’ favuriha!

Minn dan l-ispazju għalhekk insellmu mhux biss lil Marie Louise Coleiro Preca, imma lil dawk in-nisa kollha tal-azzar, illi ħarġu għall-politika, telgħu fil-Parlament u għamlu suċċess. In-nisa li ma kellhomx bżonn kwoti!

Din il-gazzetta kkritikat bil-qawwi lil Marie Louise Coleiro Preca fuq il-kwistjoni tal-IVF u tibqa’ ssostni li kien ikun aħjar kieku ċediet postha

Matul din il-Presidenza, kien hemm ukoll l-inċident ta’ Paqpaqli għall-Istrina. Sfortunatament, dan kien inċident li tefa’ ftit dawl ikrah fuq il-Presidenza u l-organizzazzjoni ta’ din l-attività li ħalliet diversi nies imweġġgħa serjament. Minkejja li Coleiro Preca baqgħet issostni li hi ma kinitx responsabbli għall-organizzazzjoni, il-President Emeritu George Abela ma tantx għamlilha wisq pjaċir meta fil-fatt implika li suppost hi kienet responsabbli.

Kollox ma’ kollox iżda, din  kienet Presidenza pożittiva, li żammet kuntatt kontinwu mal-poplu.

Nixtiequ lil Coleiro Preca ħajja twila, mimlija suċċessi u dak kollu li tixtieq tagħmel, primarjament fil-ħidma tagħha li mistennija tkompli fil-filantropija u għajnuna lill-foqra u l-vulnerabbli.

Min-naħa l-oħra nifirħu lill-President il-ġdid George Vella u nixtiqulu ħames snin ta’ ħidma sfiqa.

Inwegħduh illi se nkunu ta’ appoġġ u ta’ kritika, fejn inħossu l-bżonn u kif għamilna fl-aħħar ħames snin.

Nittamaw ukoll li r-riformi Kostituzzjonali jieħdu imbuttatura ’l quddiem u anke nibdew diskussjoni serja dwar l-ogħla kariga tal-pajjiż u fejn irridu li nieħdu lill-Presidenti kollha li għad irid ikollna, minn Vella lil hemm.

More in Blogs