Opinjoni | Negħlbu u mhux naħarbu l-faqar

Kien hemm gvernijiet oħra fil-passat riċenti, li qalu li l-faqar huwa biss perċezzjoni; aħna mhux hekk...jikteb il-Ministru Michael Falzon

Kull soċjetà hija unika. Kull soċjetà għandha l-karatteristiċi tagħha. Biss kull soċjetà hija komposta minn għadd ta’ strati soċjali. L-istess hija s-soċjetà Maltija. Fortunatament iżda l-aħħar snin kienu eżempju ta’ kif pajjiżna rnexxielu jtaffi l-istratifikazzjoni soċjali, u minflok wettaq u ħaddan politika, li tellgħet ’il fuq persuni vulnerabbli li għal żmien twil qatt ma emmnu li magħhom tista’ titwettaq ġustizzja soċjali. Ifisser li wasalna? Għamilna ħafna u wettaqna differenza kbira fil-ħajja ta’ eluf ta’ familji u anzjani, iżda fadal dawk il-ftit li għadna ma lħaqniex. Irridu nagħmlu aktar.

Kien hemm gvernijiet oħra fil-passat riċenti, li qalu li l-faqar huwa biss perċezzjoni. Dan il-Gvern u Moviment iżda jaħsibha ferm differenti, għax jirrikonoxxi li għad hemm persuni li ma gawdewx mit-tkabbir ekonomiku u mill-ġid maħluq. Hu għalhekk illi ninsab kuntent li nifforma parti minn Gvern, li għandu ruħ u qalb soċjali, saqajh mal-art, u li jifhem ir-realtajiet, il-piżijiet u l-weġgħat tan-nies. Dan mhuwiex biss kliem fieragħ, iżda rieda soda riflessa fil-ħidma sfieqa li wettaqna f’dawn l-aħħar żewġ leġiżlaturi.   

Nitkellem hekk għax ir-riżultati ta’ din il-ħidma qed tkompli timmaterjalizza u qiegħda riflessa wkoll fl-istatistika miġbura miċ-Ċentru Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) kif ukoll tal-Fond Monetarju Internazzjonali. It-tnejn li huma kkonfermaw li kompla jonqos għal darb’oħra l-għadd ta’ persuni mċaħħda materjalment severament f’pajjiżna, fejn illum hawn biss terz ta’ kemm kien hawn fl-2013. Din l-istatistika nħadmet fuq is-sena 2017, li jfisser ukoll li għad iridu jinħassu l-effetti tal-miżuri tal-Baġit għas-sena 2018 u 2019.

Kien hemm gvernijiet oħra fil-passat riċenti, li qalu li l-faqar huwa biss perċezzjoni. Dan il-Gvern u Moviment iżda jaħsibha ferm differenti

Il-kejl tal-familji dwar ċ-ċaħda materjali, severa jew mhix, huwa bbażat fuq kemm il-persuni jqisu ruħhom neqsin jew le minn ħwejjeġ bażiċi. Persuni li jgħixu f’familji fejn ma jistgħux ilaħħqu ma’ ta’ lanqas erbgħa minn disa’ indikaturi jitqiesu li huma mċaħħda materjalment severament. Jekk ikunu tlieta l-affarijiet li ma jifilħux għalihom allura l-persuni jkunu meqjusa li huma mċaħħda materjalment.

Ir-rata ta’ ċaħda materjali severa fil-preżent hija l-anqas li qatt ġiet irreġistrata f’Malta minn mindu bdiet tinġabar din l-istatistika mis-sena 2005, u turi tnaqqis ta’ kważi 28,000 persuna mis-sena 2013. Naqsu wkoll dawk il-persuni li huma mċaħħda materjalment, fejn illum din ir-rata hija anqas min-nofs ta’ dik li kienet fl-2013, waqt li hija wkoll ferm aktar baxxa mill-medja fl-UE.

Dawn ir-riżultati qed iwassluna biex nersqu lejn l-aqwa rati rreġistrati f’pajjiżi fl-Ewropa tat-Tramuntana, bħad-Danimarka, l-Olanda u l-Finlandja. Dan kollu apparti, ma nixtieqx li nuża dan il-ftit spazju biex niftaħar b’dak li qed niksbu. Ċert li hemm min qed jaqra dan l-artiklu u dak li ktibt sa issa ma jħossx li jgħodd xejn għalih. Irridu nibqgħu nagħtu l-attenzjoni tagħna lilhom.

Permezz ta’ iktar żidiet fil-paga minima, il-garanzija għaż-żgħażagħ, inizjattivi bħat-‘Tapering of Benefits’, l-‘Inwork Benefit’, Childcare b’xejn, l-inklużjoni ta’ iktar nisa fid-dinja tax-xogħol, u diversi żidiet fil-pensjonijiet, qed jirnexxilna nilħqu wkoll lil din il-faxxa ta’ persuni, li għal żmien twil ma setgħux ilaħħqu mal-ħajja.

Dawk il-persuni li ma jistgħux ilaħħqu mal-ħlasijiet ta’ self u l-pagament tal-kera. Dan il-Gvern huwa soċjalment konxju ta’ din il-problema, tant li mill-ġdid tħabbru għadd ta’ miżuri fil-Baġit...

Minkejja dan kollu, xorta waħda għad fadal dawk il-persuni li ma jistgħux ilaħħqu mal-ħlasijiet ta’ self u l-pagament tal-kera. Dan il-Gvern huwa soċjalment konxju ta’ din il-problema, tant li mill-ġdid tħabbru għadd ta’ miżuri fil-Baġit biex jilqgħu għall-isfidi li ġabet magħha d-domanda għal aktar akkommodazzjoni affordabbli. L-impenn tagħna qed inwettquh f’dan il-qasam, b’titjib radikali fl-iskema ta’ sussidju għall-kera sabiex il-kera, ssir aktar affordabbli. Fil-fatt, issa, ir-rati massimi ta’ Housing Benefit ivarjaw bejn €3,600 u €5,000 fis-sena skont id-daqs u d-dħul tal-familja. Fil-benefiċċju tal-akkomodazzjoni soċjali, il-ġdid se nħarsu mhux biss lejn id-dħul tal-familja, iżda wkoll lejn il-persentaġġ minn dak id-dħul illi qed jintefaq fuq il-ħlas tal-kera.

Bl-istess mod qed naħdmu fil-bini tal-akkomodazzjoni soċjali, fejn b’kollox se jkunu qed jinbnew 1,100 appartament għal dawk il-persuni li verament għandhom bżonn. Dan huwa l-istil u l-mod li bih, mhux biss qed nirrikonoxxu li għad hawn persuni mċaħħda materjalment, iżda qed naġixxu biex ngħinuhom joħorġu minn dik ix-xibka.

Hekk se nkomplu nagħmlu fix-xhur u s-snin li ġejjin, b’rieda soda u qawwija, għax il-valuri tagħna baqgħu dejjem l-istess, dawk tal-ġustizzja soċjali u s-solidarjetà.

More in Blogs