Opinjoni | L-istupru tas-Saqqajja

It-telgħa tas-Saqqajja għan-niżla?

Nitkellmu dwar it-Telgħa tas-Saqqajja. Imma jidher li s-Saqqajja għan-niżla!

L-applikazzjoni ta’ żvilupp biex żewġt idjar qodma fuq is-Saqqajja r-Rabat ikunu mibdula f’lukanda żgħira (boutique hotel) hu attentat ieħor biex ikun sfrakassat il-wirt storiku tal-pajjiż. Il-filliera sħiħa ta’ djar fuq is-Saqqajja flok ma jitħallew jinqerdu minn dak li wħud isejħulu żvilupp għandhom jingħataw protezzjoni fit-totalità tagħhom. Kif ippropona l-Professur Mario Buhagiar dawn id-djar fuq is-Saqqajja, tal-inqas, jistħoqqilhom protezzjoni fi Grade 2, jiġifieri li l-faċċata tagħhom ma tkunx tista’ tintmiss. Possibbilment jistħoqqilhom iktar minn hekk ukoll: li jkunu mħarsa b’mod komplet fi Grad 1. 

L-applikazzjoni għal żvilupp bin-numru 9516/18 tipproponi li d-djar 14 u 15 fuq is-Saqqajja tar-Rabat (b’faċċata wkoll fuq Vjal Santu Wistin) jinbidlu f’lukanda fi klassi 3B. Minn eżami tal-pjanti sottomessi jidher ċar li l-proposta tinkludi ż-żieda ta’ żewġ sulari fuq il-binja eżistenti kif ukoll il-mutilazzjoni tal-partijiet interni ta’ dawn iż-żewġt idjar biex ikunu jistgħu jkunu mibdula f’lukanda żgħira.

Bħal bosta oħrajn jiena wkoll ippreżentajt oġġezzjoni għal dan l-aħħar attakk fuq il-wirt tagħna lkoll. Ir-raġunijiet għal dan huma diversi.

L-ikbar raġuni hi li l-iżvilupp propost jistona fil-kuntest li hu propost li jsir. Ser jeqred darba għal dejjem l-omoġenjità u l-armonija tal-faċċati tal-bini kemm fuq is-Saqqajja kif ukoll fuq Vjal Santu Wistin. Fuq Vjal Santu Wistin  l-iżviluppatur irid iħarbat parti kbira mill-ġnien li jagħti karattru uniku u hu parti integrali mill-binja. Hi l-binja kollha, kif inhi, bil-ġnien kollu  li teħtieġ li tkun protetta.

Il-Pjan Lokali, li jqis liż-żona bħala waħda ta’ konservazzjoni urbana jillimita l-iżvilupp fiż-żona għal żewġ sulari. Il-proposta ta’ żvilupp tinjora din il-limitazzjoni kompletament. Huwa għaldaqstant ovvju li jekk din l-applikazzjoni tibqa’ għaddejja u tkun approvata ser twassal għall-qerda tal-filliera sħiħa tad-djar  fuq is-Saqqajja għax li jgħodd għal wieħed jgħodd għal kulħadd. Imbagħad  tkun ġiet stuprata ż-żona kollha.

Jidher li waslet id-daqqa tar-Rabat li jrid jiffaċċja l-forza tal-qerda li tpoġġi l-flus qabel il-wirt komuni tagħna lkoll

Iżjed ’l isfel, fit-Telgħa tas-Saqqajja, fejn sa ftit ilu kien hemm it-Tattingers Club u xi propjetajiet oħra, il-ħerba tkompli. Dan is-sit ukoll għandu mdendla miegħu proposta ta’ żvilupp: lukanda massiċċa ta’ 110 kmamar mifruxa fuq 5600 metru kwadru. Mhumiex l-uniċi applikazzjonijiet fl-inħawi għax hemm oħrajn. Iżda huma l-iktar li jagħtu fl-għajn. 

Jidher li waslet id-daqqa tar-Rabat li jrid jiffaċċja l-forza tal-qerda li tpoġġi l-flus qabel il-wirt komuni tagħna lkoll.

Il-mod kif ġiebet ruħha l-Awtorità tal-Ippjanar fil-passat ma tantx hu ta’ awgurju tajjeb li din b’xi mod kapaċi tieqaf lill-forzi tal-qerda. Permezz tad-deċiżjonijiet tagħha sal-lum, l-Awtorità tal-Ippjanar bagħatet messaġġ ċar li, fil-fehma tagħha, l-impatt ekonomiku tal-industrija tal-kostruzzjoni jixirqilha ferm iktar attenzjoni minn kwlaunkwe ħaġa oħra.  B’ġustizzja ngħid li hemm xi żewġ membri tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar li jispikkaw minħabba li b’differenza minn sħabhom jiddefendu regolarment kemm il-wirt storiku kif ukoll dak naturali. Imma dawn qegħdin f’minoranza assoluta, avolja xi kultant ġieli jappoġġawhom uħud mill-bqija.

Imma x’tistenna minn Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar li l-membri tiegħu ma jħossuhomx skomdi madwar l-istess mejda ma’ aġent tal-propjetà biex jgħaddu ġudizzju dwar liema applikazzjonijiet ta’ żvilupp jixirqilhom ikunu approvati u liema le? 

M’għandi l-ebda idea dwar x’deċiżjoni ser ikollna, imma fid-dawl ta’ kif ġiebet ruħha sal-lum l-Awtorità tal-Ippjanar xejn ma niskanta jekk tagħti l-approvazzjoni tagħha biex il-qerda tibda tielgħa t-Telgħa tas-Saqqajja.

More in Blogs