Opinjoni | Azzjoni, mhux tpaċpiċ

Il-Ministru Owen Bonnici dwar ir-rapport li ħareġ mill-organizzazzjoni, “Blueprint for free speech,” iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea

L-impenn ta’ dan il-Gvern f’kull settur u qasam tas-socjetà Maltija qiegħed hemm mhux bil-paroli biss. Huwa faċli li twiegħed, imma mbagħad dak li twiegħed jibqa’ biss fuq il-karta. Imma mhux l-istess jista’ jingħad għal dan il-Gvern, li bil-provi, dak li jwiegħed iwettqu.

Din il-ġimgħa kont verament kburi bir-rapport li ħareġ mill-organizzazzjoni, “Blueprint for free speech,” iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea, li jpoġġi lil pajjiżna, lil Malta, fuq quddiem nett fejn jidħol l-Att dwar il-Whistleblowers. Iżid jgħid li din il-leġislazzjoni hija l-aktar waħda robusta madwar il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea. Ir-rapport ikompli li l-leġislazzjoni ta’ Malta dwar il-Whistleblower tinkorpora l-parti l-kbira, anzi kważi l-istandards kollha Ewropej kif ukoll dawk internazzjonali.

Din il-konklużjoni tar-rapport hija konferma tal-ħidma tal-Ministeru li għandi r-responsabbiltà tiegħu, u tal-Gvern, biex pajjiżna ikun wieħed li fih verament ikollna tmexxija nadifa.

Paragrafu importanti minn dan ir-rapport jgħid li t-tip ta’ immunità fil-“Protection of the Whistleblower Act tal-2013, hija waħda mill-aktar b’saħħitha fid-dinja u li apparti l-proviżjoni tal-Kodiċi Kriminali jew ukoll kull liġi oħra, whistleblower f’pajjiżna li jressaq rapport, mhux suġġett għall-proċeduri ċivili jew kriminali jew ukoll proċeduri dixxiplinarji talli jkun għamel tali rapport. Din l-istqarrija fir-rapport tingħad biss għal pajjiżna mit-tmienja u għoxrin pajjiż li jiffurmaw l-Unjoni Ewropea.

Il-Gvern huwa kommess li jsaħħaħ il-ġlieda favur tmexxija nadifa u l-Att dwar il-Whistleblowers huwa kolonna importanti għal amministrazzjoni aħjar u iktar ġusta

Kultant hija tedjanti li tikteb ċifri. Imma f’dan il-każ inħoss li importanti li nuri, b’wiċċi minn quddiem, li kienu erba’ pajjiżi biss li f’dan ir-rapport ingħataw aktar minn 50% bħala persentaġġ. Malta ġiet klassifikata bit-tieni l-aktar persentaġġ għoli, dak ta’ 59.3%, bl-aktar persentaġġ għoli huwa dak tal-Irlanda, 66.7%. Persentaġġ li nkiseb meta kienu anlizzati bir-reqqa, disa’ kategoriji marbuta ma’ din il-leġislazzjoni. Kienu biss 13 minn 28 pajjiż tal-Unjoni li kellhom persentaġġ ’il fuq minn 25%, filwaqt li 7 pajjiżi litteralment ma’ ngħataw l-ebda persentaġġ – 0%.

Nieħu gost b’rapporti bħal dawn għal diversi raġunijiet. Fuq quddiem nett hemm dik li l-ħidma tal-Ministeru tal-Ġustizzja qiegħda tagħti r-riżultati. U riżultati tajbin. Riżultati li qed jitkellmu fuqhom organizzazzjonijiet barranin. Qed jingħadu f’rapporti u studji li qed isiru mill-barranin. Qed nenfasizza dan, għaliex dawn l-organizzazzjonijiet barranin żgur li mhux se joqogħdu jħarsu lejn uċuħ meta jagħmlu r-rapporti tagħhom!

Nieħu gost ukoll b’dawn ir-riżultati għaliex ixejnu għalkollox il-kritika orkestrata mill-Oppozizzjoni u diversi fazzjonijiet tiegħu dwar dan is-settur f’pajjiżna.

Il-Gvern huwa kommess li jsaħħaħ il-ġlieda favur tmexxija nadifa u l-Att dwar il-Whistleblowers huwa kolonna importanti għal amministrazzjoni aħjar u iktar ġusta. L-att jipproteġi kompletament lil min huwa onest u jiggarantilu serħan il-moħħ u protezzjoni.  Fl-istess waqt dan l-att jinċentiva lil min għamel il-ħazin ma’ ħaddieħor biex jikxef.

Ir-rapport mhux se jintefa’ fuq xkaffa, għaliex il-Gvern qed janalizza r-rapport bir-reqqa ħalli jkompli jtejjeb il-prinċipji ta’ Governanza tajba u jibni fuq dak li diġà twettaq.

Nixtieq nikkonkludi dwar dan b’fatt ieħor importanti. Dan l-Att daħal fis-seħħ f’Settembru tal-2013. Sitt xhur biss wara li l-Partit Laburista tela’ fil-Gvern. Wara 25 sena sħaħ ta’ Gvern Nazzjonalista. Altru li l-Gvern Laburista ma kellux roadmap f’kull qasam, anki fil-qasam tal-Ġustizzja u s-Saltna tad-Dritt.

***

Settur importanti ferm għal pajjiżna, ma nixbax ngħid, huwa dak tal-kultura. Il-kultura hija dik li tfassalna bħala poplu u hija s-sisien li fuqha hija mibnija s-soċjetà. Il-kultura tagħti identità u hija wkoll mezz li tgħaqqad lill-poplu.

Anki mill-ewwel jiem li, b’sodisfazzjon, ingħatajt ir-responsabbiltà tal-kultura, ħassejt il-bżonn li ndur dawra ma’ dan is-settur, li wkoll kien mitluq għal riħu. Fil-fatt tkellimt kemm-il darba dwar restawr li qed isir, minn binjiet sa niċeċ sa swar.

Post għażiż għal dawk kollha li jħobbu l-kultura huwa t-Teatru Manoel, l-aktar teatru antik fl-Ewropa. Jiddispjaċini ferm ngħid li anki dan il-ġojjel Nazzjonali kien wasal fit-triq li jintilef. U mhux qed nesaġera.

Fix-xhur li għaddew kelli okkażjonijiet li fihom għedt x’qed nagħmlu b’dan it-teatru. Qbadnieh minn fuq s’isfel, kif jgħid il-Malti. Restawr sar u għad hemm xi jsir.

Imma propju din il-ġimgħa flimkien mal-kollega tiegħi, Aaron Farrugia, żorna t-Teatru Manoel u ħabbarna dettalji dwar proġett ġdid li se jwassal għal esperjenza aħjar lil dawk kollha li jiffrekwentaw it-teatru nazzjonali.

Proġett li jsostni, jikkonsolida u jiżviluppa aktar it-teatru permezz ta’ sistema ta’ ventilazzjoni u ta’ akklimatizzazzjoni, ta’ riabilitazzjoni tas-saqaf kif ukoll siġġijiet ġodda fil-platea.

Din is-sistema ta’ ventilazzjoni u ta’ akklimatizzazzjoni se tgħin biex it-temperatura mixtieqa, il-livelli tal-umdità u l-kwalità tal-arja fit-teatru jinżammu kostanti matul is-sena kollha filwaqt li tillimita l-ġenerazzjoni tal-kurrenti tal-arja u l-ħsejjes fit-teatru.

Allura, qed intejbu l-akustika tat-teatru u l-versatilità fl-użu tiegħu. Din is-sistema se topera l-ħin kollu b’mod li tevita bidliet drastiċi fit-temperatura li kieku tirriżulta f’danni għax-xogħol sabiħ tal-injam u għall-pitturi prezzjużi tat-teatru.

L-istrateġija tagħna bħala gvern fejn jidħol is-settur kulturali hija li nkomplu nsaħħuh biex verament jitgawda mill-komunità kif ukoll biex inkomplu nimirħu u nżidu l-professjonalizzazzjoni fis-settur li dejjem qed jissaħħaħ

Din is-sistema state of the art hija mibnija bl-aħjar teknoloġija disponibbli fis-suq, magħmula apposta għat-Teatru Manoel, u hija effiċjenti fl-enerġija u favur l-ambjent. Dan l-investiment kien intrinsiku minħabba li t-teatru ma kellux sistema ta’ ventilazzjoni jew ta’ arja kundizzjonata. Għalhekk is-sistema se twassal għal spettakli aktar komdi kif ukoll għaż-żieda fl-użu tat-teatru – esperjenza ta’ kwalità għolja għal kull patrun tat-teatru.

Fejn jidħol hate speech, aħna rajna li l-liġijiet jiħraxu. Kruċjali li f’pajjiżna nqajmu kuxjenza fuq il-ħtieġa li nifhmu li l-hate speech huwa ħażin, il-hate speech iweġġa'

Dorna wkoll l-art tal-platea li ġiet magħmula mill-ġdid u saret bl-injam. Issa se tipprovdi akustika aħjar meta jkun hemm spettaklu mużikali jew opra. Il-proġett ta’ immodernizzar mhux biss se jagħti lill-udjenza u lill-artisti aktar kumdità imma se jtejjeb ukoll l-esperjenza ħolistika fit-teatru minħabba t-titjib tal-kwalità tal-ħoss.

Is-siġġijiet ġodda huma ddisinjati biex jikkumplimentaw l-istil barokk tat-teatru u bis-saħħa tal-pożizzjoni ċentrali tagħhom, issa l-ispettatur jista’ jgawdi l-palk aħjar. Is-siġġijiet li kien hemm qabel kienu tqiegħdu madwar 30 sena ilu u kienu fi stat dgħajjef ħafna.

Dan il-proġett inkluda wkoll ir-riabilitazzjoni tas-saqaf tat-teatru bl-intervent ewlieni li kien l-installazzjoni ta’ travi tal-azzar bħala support għas-sistema ta’ ventilazzjoni ġdida.

L-istrateġija tagħna bħala gvern fejn jidħol is-settur kulturali hija li nkomplu nsaħħuh biex verament jitgawda mill-komunità kif ukoll biex inkomplu nimirħu u nżidu l-professjonalizzazzjoni fis-settur li dejjem qed jissaħħaħ. Matul l-aħħar snin ħdimna lejn settur kulturali aktar b’saħħtu u r-realizzazzjoni ta’ proġett ta’ dan it-tip tagħtina l-enerġija neċessarja biex inkomplu nagħmlu aktar.

Dan il-proġett huwa wieħed minn ħafna li l-Gvern qed jimplimenta mill-programm tal-perjodu 2014-2020 b’investiment ta’ iktar minn €80 miljun għall-kultura f’dan il-perjodu biss.

****

Mhix xi ħaġa ġdida u ma twelditx Malta. F’dawn il-ġimgħat li għaddew f’pajjiżna d-diskussjoni dwarha, mhux se ngħid bdiet, imma kompliet tikber. Qed nirreferi għal dik li tissejjaħ, hate speech. Jiġifieri li wieħed jitkellem, jew aħjar jgħajjar persuna oħra jew grupp, fuq bażi ta’ razza, reliġjon, oriġini etnika, diżabilità, orjentazzjoni sesswali, twemmin politiku, insomma lista sħiħa.

It-teknoloġija tal-informatika hija parti mill-progress li kull ġenerazzjoni tgħaddi minnha u ma tistax twaqqafha. Permezz tagħha llum, speċjalment bil-ħafna siti, networks soċjali u blogs, li litteralment ifaqqsu ta’ kuljum, dan it-tip ta’ diskors, sfortunatament kiber. Kiber għaliex illum il-ġurnata m’għadux il-ġurnalist biss li jħabbar. M’għadux il-professjonist biss li jagħti l-opinjoni tiegħu. Illum kulħadd iwassal l-aħbar u jagħti fehmtu, tajba jew ħażina, imġenġla jew le, permezz tas-siti soċjali.

F’dan il-kuntest ta’ min ifakkar ukoll li pajjiżna għamel qabża kbira fejn tidħol il-libertà tal-espressjoni. Mhux se nidħol fid-dettal, imma pajjiżna anki f’dan il-qasam, jisboq pajjiżi Ewropej f’dik li hija legislazzjoni.

Biss fejn jidħol hate speech, aħna rajna li l-liġijiet jiħraxu. Kruċjali li f’pajjiżna nqajmu kuxjenza fuq il-ħtieġa li nifhmu li l-hate speech huwa ħażin, il-hate speech iweġġa'.

More in Blogs