Kif tridha, sinjura May, iebsa jew ratba ?

Joe Ellis dwar il-ftehim mar-Renju Unit wara l-vot BREXIT....

Din donnha l-mistoqsija illi kemm il-poplu tar-Renju Unit kif ukoll il-kumplament tal-Unjoni Ewropea qiegħed isaqsi lill-prim ministru Theresa May.  M’aħniex qed nitkellmu dwar xi bajda mgħollija imma dwar in-natura tal-Brexit, il-mod kif ir-Renju Unit ser jinfatam mill-kumplament tal-U.E.

Min bħali jassisti lil xi parti f’separazzjoni, jaf illi aktar iva milli le, il-firda ma tkun xejn ċivili. Rari jkollok każ fejn il-partijiet jiftehmu biex jinfirdu bil-kwiet. Normalment, il-proċeduri jispiċċaw b’ħafna ġlied u anke tgħajjir bit-tfal jiżfnu fin-nofs. U jidher illi anke l-firda tar-Renju Unit mill-U.E.  ma tantx ser tkun ċivili, biż-żewġ naħat jadottaw posizzjonijiet diametrikament opposti.

Din il-ġimgħa l-prim ministu Muscat ġie intervistat minn Politico, magazine illi l-verżjoni ewropea tiegħu toħroġ fi Bruxelles.  Ir-rimarki ta’ Muscat kienu simili għal dawk ta’ bosta mexxejja ewropej oħra, minn Merkel, għal Hollande,  għal Renzi u oħrajn : ir-Renju Unit m’għandu jistenna l-ebda trattament speċjali u jekk ser jibqa’ jinsisti illi jikkontrolla l-immigrazzjoni mill-pajjiżi l-oħra Ewropej, ma jistax jippretendi illi jkollu aċċess għas-suq waħdieni.  Minkejja illi dan il-messaġġ issa qed jingħata mill-mexxejja ewropej kollha, il-mexxejja tar-Renju Unit għadhom jittamaw illi jirnexxielhom jillimitaw l-immigrazzjoni mill-U.E. fil-waqt illi jżommu l-benefiċċji tas-suq waħdieni.  Ir-rimarki ta’ Muscat kienu strumentalizzati mill-istampa brittanika minħabba r-referenza illi għamel għal Greċja. L-istampa Brittanika pinġietha qisu Muscat qal illi r-Renju Unit ser jiġi kkastigat bħal Greċja bħallikieku l-Greċja ġiet ikkastigata meta l-pajjiżi tal-ewrożona (u m’hux ir-Renju Unit) selfuhaa biljuni kbar ta’ euro biex tevita l-falliment.  Li qal Muscat kien illi l-format tat-taħdidiet ser ikun simili għal dawk mal-Greċja.  Mill-banda l-oħra, ir-Renju Unit irid illi t-taħdidiet ikunu bbażati kapitlu kapitlu qisu meta pajjiż japplika biex jidħol fl-U.E. Skond Muscat, dan m’hux aċċettabli għall-pajjiżi membri l-oħra u t-taħdidiet iridu jkopru l-materji kollha f’daqqa. U illi m’hux ser ikun possibli tissepara  l-libertà tal-moviment, waħda mill-erba prinċipji fundamentali tal-U.E., mill-aċċess għas-suq waħdieni.

Kos, min kien igħidilna sentejn ilu illi llum m’aħniex niddiskutu l-Grexit imma l-Brexit.  Sentejn ilu, il-Grexit dehret probabli mentri l-Brexit dehret implawsibbli għal aħħar.  Min jaf jekk hux il-każ illi fil-waqt illi l-Greċja bil-mod il-mod ħierġa mill-ħofra illi spiċċat fiha minħabba l-infiq esaġerat u l-prattiċi xejn kompetittivi tal-pajjiż, ir-Renju Unit qiegħed iwarrab il-mudell illi ġablu daqshekk ġid matul is-snin ? Kif qal il-finanzjier George Soros, ir-Renju Unit kellu the best of both worlds : membru fl-U.E. b’aċċess għas-suq waħdieni fil-waqt illi żamm il-munita tiegħu (u l-politika monetarja) u ma daħalx fiż-żona Schengen.  Imma l-poplu brittaniku qatt ma kien f’sikktu fi ħdan l-Unjoni u wara snin ta’ propaganda qarrieqa ivvota b’maġġoranza żgħira favur il-ħruġ tar-Renju Unit mll-Unjoni. 

Jekk wieħed jiġġudika mit-ton tal-konferenza ġenerali tal-partit konservattiv illi qiegħed fil-gvern illi saret din il-ġimgħa, donnu l-poplu kollu tar-Renju Unit ivvota bi ħġaru favur il-Brexit. Il-fatt illi 48% tal-elettorat ivvota kontra minkejja l-kampanja fjakka ta’ min ried jibqa’ fl-Unjoni ġie njorat għal kollox.

Ħaġa tassew inkwetanti illi qed titfaċċa fir-Renju Unit huwa s-sentiment kontra l-barrani, speċjalment jekk dan ikun ġej mill-U.E. Sentiment illi deher fiż-żieda ta’ reati ta’ mibgħedha kontra l-barranin kif ukoll fid-diskorsi waqt din il-konferenza.  Theresa May qaltielna illi Brexit tfisser illi r-Renju Unit ser jikkontrolla l-immigrazzjoni, jerġa jieħu s-sovranità u jsir indipendenti.  Dan minkejja illi fis-snin twal illi hija kienet ministru tal-intern ma rnexxilhiex trazzan l-immigrazzjoni minn barra l-U.E. U bħallikieku xi ħadd żamm lir-Renju Unit milli jiggwerra fuq il-Falklands jew jieħu sehem fl-invażjoni tal-Iraq.  Madankollu, fid-diskorsi tagħha, qiegħda tagħmielha ċara illi hija tipprivileġja l-kontroll fuq l-immigrazzjoni mill-aċċess għas-suq waħdieni.

Jekk din hiex posizzjoni negozjali jew le, iż-żmien biss jagħtina parir. Imma dan is-sentiment kontra l-barranin kien anke espress mill-ministru tal-intern preżenti, Amber Rudd, illi pproponiet illi l-kumpaniji jridu jiddikjaraw kemm iħaddmu ħaddiema barranin.  U l-ministru tas-saħħa, Jeremy Hunt ħabbar pjanijiet biex l-iskejjel mediċi tar-Renju Unit jibdew iħarġu 1,500 tabib oħra fis-sena.  B’hekk, is-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa ma jibqax jiddependi fuq it-tobba barranin illi fil-preżent huma kwart mit-tobba kollha.  Mossa illi ġiet ikkundannata mill-mexxejja tal-iskejjel mediċi u tat-tobba illi stqarru illi anke llum hemm skejjel mediċi illi m’humiex jimlew il-postijiet disponibbli kollha. It-tajba hi illi kemm Theresa May kif ukoll Amber Rudd u Jeremy Hunt kienu fil-kamp tar-Remain imma jew issa kellhom konverżjoni tassew Damexxiena jew qatt ma kienu Remainers tassew konvinti.

Is-sentiment kontra l-barrani jidher ukoll f’direttiva illi ta l-Foreign Office lil London School of Economics illi ma’ jibqax jingħata pariri dwar il-Brexit minn akkademiċi m’hux Brittaniċi.  U s-segretarju tal-kummerċ barrani, Liam Fox, wieħed mill-Brexiteers l-aktar ħorox u illi qatt m’hu wisq ‘il bogħod mill-kontroversja, qiegħed igħid illi ċ-ċittadini mill-U.E. ser ikunu jistgħu jibqgħu jgħixu fir-Renju Unit sakemm ikun hemm reċiproċità.  Kollox sew, wieħed jista’ jgħid, imma hemm lok u ħin fejn ċertu sentimenti għandhom jiġu espressi.

Jidher ukoll illi kemm il-politiċi Brittaniċi kif ukoll sezzjoni tal-opinjoni pubblika qed jaħsbu illi ser jirnexxielhom iżommu l-aċċess għas-suq waħdieni minkejja illi jridu jikkontrollaw l-immigrazzjoni mill-U.E.  Jaħsbu illi s-suq tar-Renju Unit tant huwa kbir u mportanti għall-kumplament tal-U.E. illi l-pajjiżi ndividwali tal-U.E. ma jkunux lesti illi jikkompromettu l-aċċess tal-prodotti tagħhom għalih.  Il-mod kif l-industrijalisti tedeski laqgħu d-diskors ta’ Merkel din il-ġimgħa għandu jurihom kemm dan m’hux il-każ.

Theresa May s’issa kienet ferm kawta kif ser tipproċedi fin-negozjati dwar il-Brexit.  Il-Ħadd li għadda ħabret illi ser tispara l-grillu tal-artiklu 50 qabel l-aħħar ta’ Marzu tas-sena d-dieħla.  Wriet it-tama illi l-kumplament tal-U.E. jibda jiddiskuti t-termini tal-Brexit qabel dan il-bidu formali.  Imma l-posizzjoni tal-kumplament tal-U.E. baqgħet ferm riġida u xejn m’hu ser jiġri qabel ma May tibgħat l-ittra illi fiha tinvoka l-artiklu 50.

Fid-diskors tagħha fl-għeluq tal-konferenza tal-Konservattivi, May semmiet politiċi tal-passat bħal Joseph Chamberlain, Winston Churchill, Clement Attlee u Margaret Thatcher illi ispirawha. Huwa interessanti illi semmiet lil dawn il-politiċi : Chamberlain u Churchill kienu politiċi m’hux konvenzjonali illi qasmu minn partit għal ieħor; fil-każ ta’ Churchill, l-ewwel kien konservattiv, sar liberali u wara rritorna fi ħdan il-konservattivi.  Attlee kien laburista illi ħoloq il-welfare state fir-Renju Unit fil-waqt illi Thatcher għamlet minn kollox sabiex tillimita l-effetti tal-istess welfare state u ċċekken il-gvern. Donnha May qiegħda tipprojetta ruħha bħala politiku m’hux konvenzjonali u fil-fatt, bosta mill-proposti tagħhom huma aktar familjari għall-partit laburista milli għal dak konservattiv.

May hija l-ewwel politika fir-Renju Unit minn Thatcher ‘l hawn illi temmen illi l-gvern jista’ jkun forza ta’ ġid fis-soċjetà, illi trid illi jkun hemm politika industrijali u illi qiegħda titkellem apertament kontra l-abbużi fost id-diretturi tal-kumpaniji u favur id-drittijiet tal-ħaddiema u tal-konsumaturi. Dawn huma kollha affarijiet illi l-U.E. ippromwoviet bil-kbir imma dan donnu m’hux jirreġistra f’moħħ May.  Qiegħda tgħid illi l-vot tal-Brexit jirrappreżenta rivoluzzjoni bil-kwiet illi l-klassi politika trid tagħti każha.  Dan hu minnu imma May qiegħda taqra ħażin il-messaġġ tal-vot.  Huwa ċar illi ħafna minn dawk illi vvutaw sabiex joħorġu mill-U.E. għamlu dan għaliex il-globalizzazzjoni tefgħathom lura. Ma fehmux illi l-U.E. huwa strument kbir sabiex itaffi u jirriversja l-effetti tal-globalizzazzjoni.  Nieħdu l-eżempju ta’ Sunderland illi għandu fabbrika kbira tan-Nissan illi tesporta ħafna mill-produzzjoni tagħha lill-kumplament tal-U.E. Sunderland ivvota bi ħġaru biex jitlaq mill-U.E. Imma issa l-ħaddiema mwerwrin illi ser jitilfu l-impjieg tagħhom għaliex in-Nissan ma tridx tinvesti aktar  f’dan l-impjant sakemm il-gvern tar-Renju Unit ma jwegħdiex kumpens għal kwalunkwe tariffa illi jista’ jkun hemm fuq il-prodotti tagħha wara l-Brexit.  

Iebsa jew ratba : din hi l-mistoqsija illi May trid tirrispondi għaliha fix-xhur u snin li ġejjin.  In-nies tan-negozju qegħdin jagħfsu għal Brexit artab fejn ir-Renju Unit iżomm kemm jista’ jkun mill-aċċess li għandu għas-suq waħdieni kif ukoll ikollu l-ħaddiema kollha meħtieġa mill-kumplament tal-U.E. Imma l-Brexiteers puri fi ħdan il-partit konservattiv qed jimbuttaw għal Brexit iebes fejn ir-Renju Unit bażikament iqatta’ l-karti kollha mal-U.E. sabiex ikun f’posizzjoni jikkontrolla l-immigrazzjoni.  Din il-posizzjoni ideoloġika hija tassew tal-iskantament għaliex l-istatistika kollha turi illi r-Renju Unit jiggwadanja bil-kbir mill-immigrazzjoni, speċjalment dik mill-U.E. L-immigranti qed iwettqu x-xogħol illi ċ-ċittadini Brittaniċi jew ma jistgħux  jew ma jridux jagħmlu.  Imma huwa argument emottiv ferm qawwi li m’hux lakemm tikkuntrastah.

Ir-Renju Unit u l-kumplament tal-U.E. qegħdin fuq rotta ta’ kolliżjoni illi l-klassi politika fir-Renju Unit ma tridx jew ma tistax jew tafx tevita.  Bħala riżultat ta’ dan, il-kontinent kollu ser jiddgħajjef u għalhekk, hu fl-interess ġenerali illi d-divorzju jiġi kkonsmat fl-aqsar żmien possibli ħalli kulħadd jerġa jsib saqajh kemm jista’ jkun malajr.

More in Blogs