Problemi ta’ gżira kwalunkwe

"din mhux kwistjoni biss ta’ inkonvenjent rari. Anki meta s-servizz jaħdem regolarment, xorta jista’ jkun hemm kumplikazzjonijiet li jirrendu t-traġitt ħafna itwal min-nofs siegħa li suppost jieħu"

Din il-ġimgħa kellhom isiru bosta attivatijiet taċ-CHOGM f’Għawdex. Fost l-oħrajn, in-nisa tal-mexxejja tal-Commonwealth kellhom joqogħdu f’lukanda ta’ lussu f’Għawdex u kellhom iduru bosta postijiet. Madankollu, ftit riħ qawwi l-Ħamis filgħodu ħarbat dawn il-pjanijiet peress li l-vapur ma ħadimx bejn il-gżejjer u kollox ġie kkanċellat.

Tassew li fortunatament illum huma verament rari l-okkażjonijiet meta s-servizz tal-vapur ma jaħdimx minħabba problemi tal-baħar. Wara x-xogħlijiet li saru ċ-Ċirkewwa li prattikament issa sar port għall-irjieħ kollha, il-problema li baqa’ hi meta jonfoħ riħ qawwi mil-Lbiċ, ħaġa li medjament tiġri darba kull tlett snin. U mid-dehra dak li ġara nhar il-Ħamis, meta s-servizz tal-vapur ġie sospiż għal xi ħin. 

Probabbilment, ħafna mill-qarrejja x’aktarx ma jaraw xejn ta’ barra minn hawn li ma jaħdimx il-vapur bejn il-gżejjer darba f’mitt qamar. Li ma jirrealizzawx huwa li dan joħloq inkonvenjent lil bosta li jridu jaqsmu bil-fors bħal min irid jaqbad ajruplan jew ikollu appuntament urġenti l-isptar. Illum, il-vapur hu l-uniku mezz kif wieħed jaqsam minn gżira għall-oħra u meta ma jaħdimx, Għawdex ikun totalment iżolat.

U din mhux kwistjoni biss ta’ inkonvenjent rari. Anki meta s-servizz jaħdem regolarment, xorta jista’ jkun hemm kumplikazzjonijiet li jirrendu t-traġitt ħafna itwal min-nofs siegħa li suppost jieħu.  Jista’ jkollok kju twil ta’ traffiku min-naħa għall-oħra u jkollok tistenna bil-bosta qabel ma taqsam.   Jew jista’ jkun li l-vapur li tkun ippjanajt li taqbad ma jgħabbikx għaliex ikun imtela. Jista’ jkun li jkun hemm xi ħsara f’xi vapur. U jista’ jkun ukoll li minħabba l-maltemp, il-vapur jieħu traġitt itwal u jgħaddi minn wara Kemmuna.  

Minkejja l-progress li sar u l-investiment qawwi li sar fl-infrastruttura, investiment li ċertament ta l-frott tiegħu u tejjeb it-traġitt, xorta s-sitwazzjoni attwali għadha problematika u ħafna drabi hija suġġetta għall-imprevedibbli. Mill-ġdid, jista’ jkun xi qarrejja jgħidu li anke s-sitwazzjoni tat-traffiku fil-pajjiż hija imprevedibbli u mhux faċli tippjana bl-eżatt x’ħin wieħed se jasal fejn jixtieq.  Dan hu kollu minnu, imma m’hemmx paragun bejn l-inċertezza li toħloq is-sitwazzjoni kaotika tat-traffiku f’Malta, u dik tal-qsim bejn il-gżejjer. Wieħed irid jiftakar li meta wieħed jirnexxielu jasal iċ-Ċirkewwa, xorta mbagħad ser ikun suġġett għall-inċertezzi tat-traffiku f’Malta.

Diffiċli li xi ħadd li jgħix f’Malta jifhem jew japprezza l-problemi u l-inkonvenjent ta’ min jgħix f’Għawdex kuljum. Bażikament kull aspett tal-ħajja li jkollu x’jaqsam b’xi mod jew ieħor ma’ Malta, jikkumplika ruħu. Jekk wieħed irid imur Malta għax-xogħol jew għall-istudju jew għal xi ħtieġa oħra, il-ħin meħtieġ sabiex tasal fejn trid tasal aktar milli ser jirdoppja minn min jgħix il-Mellieħa. U dan jekk kollox jimxi ħarir għax jekk le, tista’ ddum ferm aktar jew anke lanqas biss jirnexxilek tasal.  

Jiena nħobb ngħid li l-popolazzjoni ta’ komunità hija t-termometru tal-istat tas-saħħa tagħha. U minn hawnhekk, mill-ewwel tinduna li Għawdex għandu problemi serji. Mentri l-popolazzjoni ta’ Malta żdiedet minn 404,962 fl-2005 għal 425,384 fl-2013 dik t’Għawdex baqgħet stabbli u żdiedet biss minn 31,053 għal 31,446. U bosta jsostnu li din l-istatistika tostor problemi ferm aktar serji u li l-popolazzjoni effettiva ta’ Għawdex hija ferm anqas billi bosta persuni effettivament jirrisjedu f’Malta jew anke barra minn Malta u jgħixu f’Għawdex sporadikament.  

Indikazzjoni ta’ fuq fuq turi li mentri kull xahar jiżżewġu medja ta’ bejn tnax u erbatax-il koppja, ftit aktar minn nofshom jispiċċaw jirrisjedu f’Malta. U din it-tendenza x’aktarx ser tkompli taċċentwa ruħha peress li l-pubblikazzjoni eċċellenti ta’ statistika li għadu kemm ħareġ l-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika, ‘Gozo in Figures 2015’ turi li l-istudenti Għawdxin fl-Università żdiedu minn 706 fl-2010/11għal 878 fl-2014/15. Illum, Għawdex għandu proporzjon ogħla ta’ gradwati minn Malta (10.4 kull elf kontra 8.2) imma jekk dawn il-gradwati ma jsibux opportunitajiet ta’ xogħol adegwati f’Għawdex, huwa naturali li dawn imorru jaħdmu u jgħixu x’imkien ieħor.

U għalkemm l-istatistika uffiċjali ma tindikax kemm hu n-numru ta’ gradwati li spiċċaw jgħixu f’Malta, huwa ferm evidenti li n-numru hu pjuttost għoli. Tisma b’bosta każijiet ta’ familji li wliedhom kollha jispiċċaw jgħixu Malta. Dan qed ifisser ukoll li bosta drabi anke l-ġenituri qed jispiċċaw iqattgħu ħafna mill-ħin tagħhom f’Malta ħalli jkunu qrib l-għeżież tagħhom.  

Dan l-iżvojtar demografiku qed ikollu effett devastanti fuq l-ekonomija Għawdxija. Dan l-aħħar qrajt kumment tal-ekonomista Tito Boeri li jmexxi l-istitut Taljan tal-pensjonijiet, l-INPS, dwar il-fatt li bosta pensjonanti Taljani qed imorru jgħixu l-Portugall jew ir-Rumanija peress li mhumiex jifilħu jgħixu l-Italja bil-pensjoni baxxa li jirċievu. Boeri qal li dan qed ikollu effett ferm negattiv fuq il-livell ta’ konsum fl-Italja. U l-istess qed jiġri f’Għawdex: jekk tmien koppji minn erbatax qed jagħżlu li jmorru jgħixu Malta, dan ifisser domanda għal tmien appartamenti jew djar fix-xahar anqas f’Għawdex, konsum ta’ 16-il ruħ anqas kull xahar, jew kważi 200 ruħ fis-sena anqas. Bir-riżultat li qed jonqos il-konsum f’Għawdex u qed isir anqas vijabbli li wieħed jiġġestixxi negozju f’Għawdex. L-effett kumulattiv hu li anqas negozji jiftħu u jħaddmu anqas nies f’Għawdex.

Skont l-istatistika uffiċjali, il-Prodott Gross Domestiku f’Malta żdied minn €5.8b fl-2009 għal €7.14b fl-2013, żieda ta’ 23% mentri dik t’Għawdex fl-istess perjodu żdiedet minn €325.6m għal €385.82m, żieda ta’ 18.5%. Għal xi raġuni li ma fhimtx, il-figura ras imb’ras tal-PGD ma ngħatatx imma wieħed jista’ jikkalkula li dik ta’ Malta żdiedet approssimattivament minn €15,000 għal €18,000 mentri dik t’Għawdex żdiedet minn €10,200 għal €12,000. Il-medja tal-PGD Għawdxi ras imb’ras baqa’ 70% dak ta’ Malta u huwa ċar li d-divarju ekonomiku żgur li ma naqasx. L-ekonomija Maltija qiegħda konsistentement tikber aktar minn dik Għawdxija u dan qed jitfa’ lil Għawdex f’ċirku vizzjuż fejn jagħmel anqas sens li wieħed jinvesti f’Għawdex bir-riżultat li aktar Għawdxin jispiċċaw jaħdmu barra minn Għawdex. Wieħed jista’ jifhem il-gravità tas-sitwazzjoni meta anke l-istess Għawdxin qed jippreferu li jinvestu f’Malta u mhux f’Għawdex. Min għandu idea ta’ x’qed jiġri, jaf x’qed ngħid.

Iċ-ċavetta sabiex wieħed joħroġ minn dan iċ-ċirku vizzjuż hu l-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ xogħol f’Għawdex. Huwa tassew drammatiku li l-wasla tal-internet u tal-ekonomija diġitali iżola aktar lil Għawdex meta fit-teorija kellu jirrendiha aktar aċċessibli u appettibli għall-investiment barrani.  Imma tmexxija fqira li kienet aktar tikkonċentra fuq l-interessi klijentari milli fuq il-progress makro-ekonomiku tal-gzira ġab dan id-diżastru li issa qed naffaċjaw. Ma nifhimx għala kellna nistennew dan iż-żmien kollu sabiex ninvestu f’linja tal-fibro-ottika meta jidher li lanqas m’aħna ser inkunu kapaċi nonfqu l-fondi Ewropej kollha allokati għall-perjodu 2007-2013.

F’dan l-isfond ta’ swied il-qalb, l-inizjattiva tal-Kamra tal-Kummerċ t’Għawdex li tniedi studju dwar il-fattibilità ta’ konnessjoni fissa bejn il-gzejjer hija tassew ta’ min ifaħħarha. Ta’ min ifaħħarha doppjament għaliex fin-nuqqas ta’ tmexxija minn min istituzzjonalment għandu l-obbligu li jippromwovi l-progress ekonomiku f’Għawdex, hija s-soċjetà ċivili li mliet il-vojt u ħadet l-inizjattiva.  

Jinħoloq inkonvenjent lil bosta li jridu jaqsmu bil-fors bħal min irid jaqbad ajruplan jew ikollu appuntament urġenti l-isptar

Il-ġimgħa l-oħra attendejt presentazzjoni li ta l-ekonomista Gordon Cordina dwar l-istudju li wettaq. Nistieden lil kulħadd jaqra dan l-istudju onlajn, għax fl-opinjoni tiegħi jagħmel każ ineċċepibbli favur il-bini ta’ mina meta mqabbel ma’ possibiltajiet oħra bħalma huma l-bini ta’ pont jew li nkomplu bħalma aħna fil-preżent.  

Cordina jistma li abażi tal-informazzjoni li ġabar minn proġetti simili ta’ mini li twettqu fin-Norveġja, il-bini ta’ mina hija fattibli anke jekk it-tariffi jibqgħu kif inhuma dawk tal-vapuri fil-preżent. U dan mingħajr ma tingħata l-ebda għajnuna finanzjarja da parti tal-istat. Cordina kkalkula ukoll li mina tfisser benefiċji ekonomiċi fl-ammont ta’ €31m jew €1,000 għal kull resident fis-sena fuq is-sitwazzjoni attwali, total ta’ €618.7m f’perjodu ta’ għoxrin sena.

Tistona, kif irrimarkat din il-gazzetta l-ġimgħa l-oħra, l-assenza totali tal-Ministeru t’Għawdex kemm fiżikament waqt il-presentazzjoni kif ukoll fil-preparazzjoni ta’ dan l-istudju. Mhuwiex aċċettabli li ministeru li suppost qiegħed hemm biex jippromwovi l-ġid t’Għawdex m’għandu x’jaqsam xejn ma’ din l-inizjattiva. Issa li jidher li hemm kunsens politiku dwar il-ħtieġa ta’ konnessjoni fissa, jeħtieġ li dan il-proġett jiġi promoss attivament mill-gvern u dan ir-rwol naturalment kellu jaqa’ fuq ħoġor il-Ministeru t’Għawdex. Imma taħt dan il-gvern, jidher ċar li dan il-ministeru progressivament qed isir dejjem aktar irrilevanti.

Hu x’inhu l-każ, il-gravità tas-sitwazzjoni titlob impenn serju u urġenti sabiex tiġi sorvolata darba għal dejjem il-problema tal-konnettività bejn il-gzejjer. Għawdex mhux se jitlef il-karatteristiċi uniċi b’din il-mina kif isostnu xi wħud, imma jibqa’ komunità ħajja b’ekonomija dejjem aktar vibranti li tikkontribwixxi għall-ġid nazzjonali. Jeħtieġ li min għandu r-riedni f’idejh, isuq iż-żiemel fejn għandu jmur u mhux iħallieh jiekol il-ħaxix f’xi għalqa kemm kemm jibqa’ ħaj. Fin-nuqqas, l-agunija ta’ din il-gzira se titwal u ser teħżien.

More in Blogs