Il-Fraġilità tad-Demokrazija

L-opinjoni ta' Joe Ellis 

L-eks deputat tal-PN Joe Cassar li rreżenja wara rapporti li aċċetta xogħolijiet f’daru minn Gaffarena
L-eks deputat tal-PN Joe Cassar li rreżenja wara rapporti li aċċetta xogħolijiet f’daru minn Gaffarena

Bosta avvenimenti, f’dawn l-aħħar ġimgħat, juru kemm hi fraġli d-demokrazija. Xtaqt nikteb fuq il-martirju ta’ Pariġi imma nagħżel li nagħmel dan darba oħra meta l-affarijiet ikunu kkalmaw.

Ħa nieħu r-riżenja ta’ Joe Cassar. Karriera li possibilment kien baqala futur, intemmet wara li Joe Cassar assuma r-responsabilità politika għas-sitwazzjoni li ġiet żvelata fil-pubbliku, irrispettivament minn jekk dak li wettaq kienx legali jew le. Dan wara li persuna li kienet qrib tagħha żvelat li kienet ħallset għal xi xogħlijiet fid-dar ta’ Cassar. 

Jekk għalxejn, Cassar żbalja li kien inġenwu wisq. Kull professjonist jiżbalja jekk ma joqgħodx attent mill-ħsara li jistgħu jwettqulu l-klijenti tiegħu. Personalment, naħseb li tali ħsara tiżboq dik li tista’ tagħmillek il-parti l-oħra. Wieħed irid iżomm ċerta distanza mill-klijenti għaliex illum ħbieb, imma mhux neċessarjament għada. Ferm faċli li r-rapport jiddeterjora u wara l-ħbiberija u l-intimità, taqa’ l-bruda, jekk mhux ukoll tibda tirrenja l-ostilità. U meta jiġri hekk, stenna li jiġri bħalma jiġri bejn l-eks miżżewġin.  

Probabbilment, bejn Cassar u Gaffarena ġara xi ħaġa hekk: Gaffarena kien jappoġġja politikament lil Cassar bħalma appoġja wkoll politiċi oħra Nazzjonalisti fil-passat. Bħala quid pro quo, kien jitlob l-intervent ta’ Cassar bosta drabi f’affarijiet biex jissupera l-ostakli tal-burokrazija fil-bosta intriċċi li kellu. Cassar kien jagħmel mill-aħjar biex jgħinu u Gaffarena offra li jħallas għal xi xogħlijiet fid-dar ta’ Cassar biex jikkumpensah għal din l-għajnuna. Cassar aċċetta jew ma rreżistiex tali offerta għax ħass li kien dovut tali kumpens għall-għajnuna li kien qed jagħti lil Gaffarena. Jidher li l-linja bejn il-pubbliku u l-privat spiċċat irrimedjabilment.  

Cassar żbalja li kien inġenwu wisq. Kull professjonist jiżbalja jekk ma joqgħodx attent mill-ħsara li jistgħu jwettqulu l-klijenti tiegħu

Gaffarena kisirha man-Nazzjonalisti għaliex ma rnexxielhux jiftaħ il-pompa tal-petrol li bena mingħajr il-permessi meħtieġa f’Ħal-Qormi. Jidher li f’mument partikolari, kien intlaħaq ftehim mal-MEPA li l-permess jinħareġ jekk Gaffarena jwaqqa’ sular li kien bena bla permess. X’kien ir-rwol ta’ Cassar f’din il-kwistjoni mhux magħruf. Imma huwa evidenti li kien hemm ħafna fin-nofs.  Madankollu, Gaffarena webbes rasu u ma riedx li jwaqqa’ xejn minn dak li bena illegalment. U l-permess baqa’ ma ħariġx u Gaffarena qorob ħafna lejn il-Partit Laburista. Insomma kif poġġiha dan l-aħħar xi ħadd, beda jixtri minn ħanut ieħor minflok dak li kien ilu jixtri fih għal ħafna snin!

Meta nbidel il-gvern, il-MEPA deherilha li għandha tapprova permess proviżorju li suppost ikopri biss il-partijiet tal-bini li nbnew regolarment. Ir-rapport bejn il-familja Gaffarena u l-PN kompla jiddeterjora wara li ħareġ fil-pubbliku s-sehem ta’ Mark Gaffarena fix-xiri da parti tal-gvern ta’ nofs sehem indiviż ta’ palazz fi Triq iż-Żekka. Wara bosta akkużi ta’ korruzzjoni u sejħiet għar-riżenja tas-segretarju parlamentari li approva x-xiri ta’ dan in-nofs is-sehem indiviż, kien il-mument opportun li Gaffarena jikxef l-għajnuna ‘spontanja’ li kien ta lil Joe Cassar. U Cassar għażel li jagħlaq kwistjoni li ċertament kienet, jekk xejn, imbarazzanti għalih b’li jwettaq ġest onorevoli u rriżenja minn deputat parlamentari.

Naħseb li din kienet l-ewwel riżenja minn deputat minn mindu Lino Gauci Borda rriżenja.  F’pajjiżna, il-kultura tar-riżenja ma tantx hi f’saħħitha. Hija sinjal ta’ maturità kbira li wieħed jirrikonoxxi n-nuqqasijiet tiegħu, anke jekk mhux ta’ relevanza penali, u jaċċetta r-responsabilità politika tal-azzjonijiet tiegħu. Imma xorta jibqa’ l-fatt li din l-istorja tesponi l-vulnerabbiltà tal-istituzzjonijiet demokratiċi tagħna. Negozjant eżerċita għal żmien twil influwenza fuq politiku, għasar kemm felaħ din l-influwenza, offrielu favuri li l-politiku forsi ħaseb li kien leċitu jaċċetta minħabba l-għajnuna li kien qed jagħtih, u meta kien komdu u konvenjenti għalih, remieh lill-klieb.  

Hija sinjal ta’ maturità kbira li wieħed jirrikonoxxi n-nuqqasijiet tiegħu, anke jekk mhux ta’ relevanza penali, u jaċċetta r-responsabilità politika tal-azzjonijiet tiegħu

M’għandix dubju li din is-sitwazzjoni ma’ kinetx partikolari għal Joe Cassar u li matul iż-żmien kien hemm bosta politiċi oħrajn f’sitwazzjoni simili. Sitwazzjoni li wieħed ikun inġenwu jekk jaħseb li ma setgħetx ma kinetx skomda għall-politiku, jekk mhux addirittura ta’ rikatt. U minn hawn titnissel il-vulnerabilità tad-demokrazija, l-intralċ bejn l-interessi partikolari u d-dinja politika u kif dik tal-ewwel tinfluwenza l-evoluzzjoni ta’ dik tal-aħħar.

Tali intralċ imur lil hinn minn politiċi individwali. Anke l-partiti m’humiex sajma minn dawn it-tip ta’ influwenzi. L-organizzazzjoni politika tirrikjedi riżorsi konsiderevoli u dawn mhux dejjem jistgħu jinġabru mill-attivisti, mit-tesserati u mill-organizazzjoni ta’ attivatijiet politiko-soċjali. Li jinkwetak huwa d-donazzjonijiet li jista’ jkun hemm minn individwi u kumpaniji li jagħtu donazzjonijiet lill-partiti u lill-politiċi imma mbagħad jistennew favuri meta l-individwu jew il-politiku huwa fil-poter. Naħseb li diġà sar pass fid-direzzjoni t-tajba bl-adozzjoni tal-Att dwar il-Finanzjament tal-Partiti Politiċi li jipprojbixxi donazzjonijiet anonimi li jaqbżu € 500 waqt li partiti ma jistgħux jirċievu donazzjonijiet li jaqbżu € 25,000 mill-istess sors f’sena kalendarja. Filwaqt li din il-liġi ma timponix limitu fuq l-infiq minn partiti politiċi waqt kampanja elettorali, kandidati parlamentari issa jistgħu jonfqu sa €50,000 fl-elezzjoni tal-parlament ewropew u sa € 20,000 fl-elezzjoni ġenerali minflok il-limitu redikolu ta’ €1,433 li kien hemm (u li wieħed jiddubita kemm kien qed jiġi osservat meta wieħed jisma b’min nefaq anke miljun ewro biex jirbaħ siġġu). 

Din il-problema tal-finanzjament tal-partiti politiċi u tal-politiċi mhix xi ħaġa partikolari għal Malta imma hawn Malta probabbilment tinħass aktar għaliex il-partiti m’għandhom l-ebda finanzjament pubbliku filwaqt li d-deputati parlamentari għandhom onorarju tassew baxx u s-salarju tal-ministri ma jirriflettix ir-responsabilità tal-inkarigu tagħhom. Dan kollha stedina għall-inkwiet. Ministru li jaħdem daqs bagħal, irid jiddeċiedi dwar kwistjonijiet ta’ miljuni kbar ta’ ewro u mbagħad jitħallas anqas minn €50,000 fis-sena faċli jaqa’ fit-tentazzjoni. U għalkemm dan mhux sew, ma naħsibx li min jiċħad li dan jista’ jseħħ ikun sinċier. 

Sfortunatament, ir-rimunerazzjoni tal-parlamentari u tal-ministri kienet ballun politiku fil-passat u l-Partit Laburista għasar kemm felaħ il-mod goff kif il-gvern ta’ Gonzi żied ir-rimunerazzjoni tal-ministri u kien qed jopproponi li jiżdied l-onorarju tal-parlamentari. Illum li qiegħed fil-gvern, il-problema tal-onorarju parlamentari qed isolvieha b’metodu xejn kostituzzjonali b’li jagħti karigi eżekuttivi lill-parlamentari. B’hekk qiegħed jimmina d-demokrazija parlamentari b’mod ferm serju.  Imma l-ministri jkollhom jistennew sal-elezzjoni li ġejja sakemm jieħdu żieda. Ir-riżultat hu li hemm deputati li bejn onorarju parlamentari u inkarigi fl-eżekuttiv idaħħlu aktar milli jaqilgħu l-ministri. Jekk dan hu normali, verament jiena iswed.

L-elettorat irid japprezza li min jirrappreżentah u jmexxih għandu jkun ikkumpensat adegwatament għall-ħidma tiegħu u r-responsabilità li jġorr. Min ikompli jistrumentalizza din il-kwistjoni għal skopijiet purament popolistiċi qajla jkun qed jagħti servizz lid-demokrazija. Wasal iż-żmien li nibdew paġna ġdida u nindirizzaw din il-kwistjoni b’maturità. F’dan l-isfond, il-klassi politika għandha fuqhiex taħdem għax f’Jannar li għadda ġew żvelati l-proposti li għamlet il-kummissjoni maħtura mill-Prim Ministru Muscat ftit wara li assuma l-poter f’Marzu 2013. Din il-kummissjoni kienet magħmula mill-Ombudsman, il-Kummissarju Elettorali u l-Awditur Ġenerali.

Cassar għażel li jagħlaq kwistjoni li ċertament kienet, jekk xejn, imbarazzanti għalih, b’li jwettaq ġest onorevoli u jiriżenja minn deputat parlamentari

Minkejja li dan ir-rapport jidher li ma ġiex ippubblikat, ħaġa li mhi posittiva xejn, skond is-Sunday Times li b’xi mod rat kopja ta’ dan ir-rapport, din il-Kummissjoni pproponiet żieda qawwija fis-salarju tal-Prim Ministru minn €50,000 għal €95,000, ta’ Ministru minn €44,000 għal €73,000, ta’ Segretarju Parlamentari minn €42,000 għal €70,000 fil-waqt li l-onorarju ta’ deputat għandu jiżdied minn €20,000 għal €60,000. Ma nara xejn skandaluż f’dawn il-figuri u jeħtieġ li l-klassi politika turi kuraġġ u tadottahom sabiex tissaħħaħ it-trasparenza fil-ħajja pubblika.

Il-Kummissjoni wkoll ipproponiet li l-pensjoni tas-servizz li l-parlamentari huma pprivileġjati b’li huma biss għadhom igawdu għandha tispiċċa. Wieħed jistenna wkoll li deputati jibdew jiddedikaw il-ħin u l-enerġija tagħhom lill-ħajja parlamentari biss u ma jibqa’ jkollhom l-ebda inkarigu fl-eżekuttiv, anke jekk permess mil-liġi u l-anqas fil-ħajja privata jew fil-professjoni tagħhom.

Jekk irridu verament insaħħu d-demokrazija parlamentari, din hi t-triq li rridu nieħdu.  Imma sfortunatament wieħed ma tantx hu kunfidenti li t-triq ’il quddiem ser tkun daqshekk faċli. Wisq probabbli li din il-kwistjoni delikata tispiċċa ballun f’saqajn il-partiti minħabba kunsiderazzjonijiet tattiċi li ma jagħmlux ġieħ il-missjoni li qegħdin jaqdu fis-soċjetà demokratika. Ejjew ma noqogħdux lura biex insaħħu r-rwol tal-parlamentari li huwa daqshekk meħtieġ sabiex tikkontrolla l-operat tal-eżekuttiv. U b’hekk anke d-demokrazija tagħna.

More in Blogs