Id-Dilemmi ta’ gżira

L-artiklu ta' Joe Ellis dwar ir-Renju Unit u l-kwistjoni tal-Brexit

Jew ġewwa jew barra ... id-dilemma ta' gżira
Jew ġewwa jew barra ... id-dilemma ta' gżira

Din il-ġimgħa kelli bżonn nitla sa Londra. Kont ilni xi ftit snin ma nersaq ’l hemm u ma stajtx ma nagħmilx ftit osservazzjonijiet u riflessjonijiet.

Londra kienet u għadha belt imperjali. L-imperu tal-lum huwa differenti minn dak tal-passat għax illum, il-prosperità u l-importanza ta’ Londra mhijiex ir-riżultat ta’ ħakma militari. Illum, Londra tistagħna minħabba l-istabilità li tgawdi u atteġjament ferm miftuħ għan-negozju. Is-sistema legali ferm evoluta Ingliża sserraħ ir-ras l-investitur li ser ikollu rimedju effettiv u fi żmien qasir jekk tinqala’ xi kwistjoni.  

Il-ħwienet ta’ Oxford Street huma mimlija b’nies minn kull ġens imma laqatni n-numru kbir ta’ Taljani u Għarab li jixtru bil-kbir. Tara wkoll ħafna ħaddiema mhux Ingliżi, Serbi fil-bini u nies minn kull ġens ieħor fil-ħwienet, fil-bars u fil-lukandi. Kif qalli xufier Somalu, Londra hija tajba għax wieħed jista’ jagħmel tlett affarijiet f’daqqa: huwa fil-fatt student fil-mekkanika, mekkaniku u xufier part-time.

Skont rapport li ħareġ il-bank Żvizzeru UBS il-ġimgħa l-oħra, is-suq tal-propjetà f’Londra huwa l-aktar wieħed sopravalutat minn fost ħmistax-il belt kbira fid-dinja u huwa mistenni li l-bużżieqa se tinfaqa’ dalwaqt. Minkejja li l-Ingilterra għandha l-ekonomija sejra pjuttost tajjeb, il-pagi qajla żdiedu, imma mill-bidu tal-2013, il-prezzijiet tal-propjetà f’Londra għolew b’40%. Fil-fatt, il-Land Registry għadu kemm ħabbar li l-prezz medju ta’ dar Londra huwa ta’ £500,000, ċirka €700,000.  Ħafna djar illum m’għadhomx aċċessibli għan-nies tal-lokal għax is-suq tal-propjetà qed jinfaqa’ bi flus ġejjin mill-kriminalità kif ukoll minn investituri li jridu jevadu t-taxxa f’pajjiżhom. Għandek ukoll Għarab sinjuruni li jħobbu Londra xi ftit jew wisq bħalna minħabba l-passat imperjali. Kif rajna wkoll ftit ilu, ħafna Griegi sinjuri tefgħu flushom Londra fl-eqqel tal-kriżi ta’ pajjiżhom biex jiżguraw li ma jitilfux il-kapital tagħhom.   

Meta wieħed jaħseb ftit, wieħed jinduna b’bosta similaritajiet bejn Londra u pajjiżna. Bħal-Londra, pajjiżna qed jippożizzjona ruħu sew fis-settur tas-servizzi finanzjarji, għalkemm m’għandniex xi ngħidu għadna ferm ’il bogħod milli jkollna l-banek u l-kumpaniji tal-assigurazzjoni li hemm Londra. Il-vokazzjoni ta’ Malta hi li tkun ċentru finanzjarju alternattiv għal-Londra, serju, irħas u bi klima aħjar. Għalkemm ir-reġim ta’ taxxa aġevolat huwa taħt attakk kontinwu minn bosta pajjiżi Ewropej, wieħed jawgura li s-settur finanzjarju f’pajjiżna dejjem isir aktar sofistikat sabiex ikompli jkun sors importanti ta’ impjiegi u dħul bħalma huwa ukoll f’Londra u fir-Renju Unit.

F’ħaġa waħda nistgħu ngħidu li fortunatament qed niddistingwu ruħna mill-Ingliżi: għalkemm, il-Partit Laburista kien għamel kruċjata kontra d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, illum tista’ tgħid li kulħadd aċċetta l-fatt li aħna membri. Forsi mhux kulħadd għandu l-istess viżjoni dwar l-UE imma n-numru ta’ nies li huma favur li noħorġu mill-UE huwa marġinali, u jalla jibqa hekk. Mhux l-istess fl-Ingilterra fejn għandek partit, il-UK Independence Party li jixtieq li r-Renju Unit joħroġ mill-UE, l-hekk imsejħa Brexit, il-UKIP igawdi minn appoġġ konsiderevoli li għadu ma ġiex tradott f’siġġijiet parlamentari minħabba s-sistema elettorali Ingliża. Dan l-appoġġ popolari għall-Brexit ikkundizzjona lill-Partit Konservattiv sabiex jadotta atteġġjament aktar ewroxettiku. Il-Prim Ministru Cameron ilu jwiegħed li fit-tieni mandat elettorali tiegħu, se jniedi referendum sabiex l-elettorat jiddeċiedi jekk ir-Renju Unit għandux jibqa’ membru tal-UE jew le fuq termini ġodda ta’ sħubija. Dan ir-referendum issa ġie ffissat fl-2017 wara li Cameron ikun ikkonkluda n-negozjati mal-pajjiżi l-oħra tal-UE dwar dawn it-termini ġodda ta’ sħubija. 

Ironikament, il-Partit Laburista, li kien kontra d-dħul tar-Renju Unit fl-UE, illum huwa aktar favur li r-Renju Unit jibqa’ membru minkejja li bosta esponenti tiegħu, inkluż il-mexxej il-ġdid, Jeremy Corbyn kienu ambivalenti fil-passat. Kif spiss inħobbu ngħidu, l-istorja għandha ħabta tirrepeti ruħha u forsi ftit għadhom jiftakru li r-Renju Unit, wara li sar membru ta’ dak li kien is-Suq Komuni fl-1973, diġà kien żamm referendum fl-1975 sabiex l-elettorat jiddeċiedi jekk ir-Renju Unit għandux jibqa’ membru jew le. Din ukoll kienet wegħda elettorali tal-Partit Laburista ta’ Harold Wilson, li jirrinegozja l-kundizzjonijiet tad-dħul tar-Renju Unit u jsaqsi l-elettorat jekk il-pajjiż jibqax membru jew le. Fl-1975, l-elettorat ivvota b’marġni qawwi ta’ 67% favur li r-Renju Unit jibqa’ membru wara li Wilson għamel ftehim mal-mexxejja l-oħra tas-Suq Komuni. Imma llum l-istħarriġ tal-opinjoni qed juru elettorat ferm aktar maqsum.

Il-vokazzjoni ta’ Malta hi li tkun ċentru finanzjarju alternattiv għal-Londra: serju, irħas u bi klima aħjar

Dan minkejja li l-Ingilterra diġà rrinegozzjat kundizzjonijiet speċjali oħra taħt Thatcher li ironikament bħala mexxejja tal-kap tal-Oppożizzjoni, kienet appoġġjat lil Wilson sabiex ir-Renju Unit jibqa’ membru. Donnu l-mexxejja Ingliżi huma aktar responsabbli u anqas popolisti fl-oppożizzjoni fejn tidħol l-UE. Bħala riżultat ta’ dawn il-konċessjonijiet, ir-Renju Unit mhuwiex obbligat li jadotta l-ewro fil-futur. Lanqas ma huwa obbligat li jsir membru taż-żona Schengen.   

Il-problema tar-Renju Unit hi li ma jafx jekk għandhux jibqa’ ġewwa jew le. Bħal bniedem li ma jistax jiddeċiedi x’pass se jieħu, jispiċċa ma jmur imkien. Juncker fetaħ negozjati ġodda mar-Renju Unit imma Brussell huwa ferm frustrat li l-gvern ta’ Cameron għadu ma għamilx it-talbiet tiegħu bil-miktub. Ħadd ma jaf eżatt x’irid ir-Renju Unit u jidher li l-problema kbira li għandu Cameron hi li m’hemmx wisq x’wieħed jirregozja. Is-sena l-oħra, il-gvern nieda b’ħafna fanfarra studju sabiex jistabilixxi liema poteri għandhom jiġu rimpatrijati minn Brussell lura fir-Renju Unit imma llum il-konklużjoni ta’ dan l-istudju li l-bilanċ ta’ kompetenzi bejn Londra u Brussell huwa ftit jew wisq korrett, kważi ħadd ma jaf bih. Id-dilemma kbira ta’ Cameron hi li jekk jimponi termini wisq iebsa għan-negozjati, ikun jirriskja li l-pajjiżi l-oħra Ewropej ma jaċċettawx. Mill-banda l-oħra, jekk it-talbiet tiegħu jkunu timidi wisq, jesponi ruħu għall-attakki mill-konservattivi ewroxettiċi u l-UKIP li qiegħda tisraq elettorat li ħafna drabi tradizzjonalment ivvota Tory. 

Din il-ġimgħa, wieħed mis-suċċessuri papabbli ta’ Cameron li diġà ddeċieda li ma jerġax jikkontesta l-elezzjoni li jmiss, iċ-Chancellor of the Exchequer (il-Ministru tal-Finanzi) George Osborne indirizza n-negozjanti Ġermaniżi f’Berlin. Osborne enfasizza l-valuri kondiviżi u r-rapporti ekonomiċi ferm stretti bejn iż-żewġ pajjiżi. Osborne wera biċ-ċar fid-diskors tiegħu li r-Renju Unit huwa mwerwer li minħabba l-Ewro, Frankfurt tirrimpjazza Londra bħala ċ-ċentru finanzjarju Ewropej prominenti. Għaldaqstant, Osborne irid li r-Renju Unit ikollha poter ta’ veto fuq id-deċiżjonijiet li ż-Żona Ewro tista’ tieħu għal aktar integrazzjoni finanzjarja u monetarja.  Insomma, Osborne iridha ħobbla u tredda, jew kif jgħidu l-Ingliżi, ‘He wants to have the cake and eat it.’ Bħalma ġara fil-kriżi Griega fejn ir-Renju Unit kien minn ta’ quddiem fl-għoti ta’ pariri imma ma riedx joħroġ sold imġiddem sabiex jgħin lill-Greċja. Wieħed ferm jiskanta jekk din it-talba ta’ Osborne tintlaqa’ mill-pajjiżi taż-Żona Ewro sakemm mhux b’xi mod kożmetiku sakemm ir-Renju Unit ukoll ma jadottax l-Ewro.

L-ironija hi li ħafna mit-talbiet possibli Brittaniċi diġà ġew indirizzati. Pajjiżi li mhumiex fiż-Żona Ewro diġà jistgħu jitolbu r-rikunsiderazzjoni ta’ xi deċiżjoni li taffetwahom. L-idea ta’ Ewropa li tipproċedi b’veloċità differenti, ‘a two-speed Europe’ ilha aċċettata fil-prattika anke mill-istess Ġermaniżi. U anke l-fatt li Cameron jista’ jinsisti li l-Ewropa tabbanduna l-kunċett ta’ għaqda dejjem aktar fil-qrib, ftit li xejn għandha valur fil-prattika.

Imma jekk ir-Renju Unit joħroġ mill-UE, il-konsegwenzi fuq l-istess Renju Unit se jkunu enormi.  Ibda biex ir-Renju x’aktarx ma jibqax Unit għaliex huwa wisq probabbli li l-Iskozja tiddikjara l-indipendenza u tiġi immedjatament aċċettata fl-UE. Barra minn hekk, ir-Renju Unit ma jibqax daqshekk attraenti għall-investiment barrani. Il-Gvern Konservattiv qed jinvesti ħafna f’relazzjonijiet privileġġjati maċ-Ċina imma ċ-Ċina diġà għamlitha ċara li tippreferi li r-Renju Unit jibqa’ membru tal-UE. Kif qed tagħmilha wkoll ċara l-Amerika li wissiet li f’tali eventwalità, dak li jibqa’ mir-Renju Unit irid jinnegozja mill-ġdid it-trattati kummerċjali mal-Amerika.

Id-dinja tal-kummerċ hija ukoll fil-maġġor parti tagħha kontra l-Brexit. Imma wieħed irid jara jekk l-Ingliżi tal-pubs li għadhom joħolmu f’imperu li m’għadux jeżisti humiex se jirreżistu għas-sejħiet popolisti ta’ nies bħal Nigel Farage tal-UKIP u l-Brexit issir realtà.  

Intant, pajjiż kbir u importanti qed jilgħab rwol marġinali fl-Ewropa meta messu qiegħed fis-seat tax-xufier mal-Ġermanja u Franza, jekk mhux l-Italja wkoll.

More in Blogs