Il-Qaddejja Permanenti

Din il-ġimgħa mort nieħu kafè flimkien ma’ student li qiegħed jippratika miegħi fil-professjoni legali. Kif konna ser inpoġġu bil-qiegħda, tfaċċa avukat ftit akbar minni fl-età imma ċertament b’ħafna aktar esperjenza fil-Qorti. Dan beda jirrakkonta l-esperjenzi tiegħu lil dan l-istudent. Hija karatteristika tal-professjoni legali, u x’aktarx mhux tagħha biss, li l-anzjani jħarrġu liż-żgħażagħ u jippruvaw jittrasmetthulhom il-valuri etiċi tal-professjoni u dak li jkunu tgħallmu fil-prattika tagħhom tal-professjoni. Ħadd ma jħares lejn iż-żgħażagħ bħala theddida għall-għixien tiegħu imma bħala bidla ġenerazzjonali meħtieġa ħalli l-professjoni tibqa’ ċentrali fil-qadi tal-missjoni tagħha fis-soċjetà.  

F’mument minnhom, dan l-avukat stqarr kemm jiġuh dubji dwar jekk għamilx dak kollu possibli fil-qadi ta’ dmiru, speċjalment meta wieħed jitlef kawża. Qal li jirrekrimina ruħu meta jitlef kawża għal xi raġuni li messu nduna biha qabel ma’ ngħatat is-sentenza. Jiena qbilt miegħu perfettament għax bħalma wieħed iħoss ferħ kbir meta jirbaħ kawża, anke l-aktar trivjali, wieħed iħoss id-diżappunt meta kawża tintilef anke jekk l-eżitu tagħha jkun deher ċar abbażi tal-provi li jkunu ġew prodotti.  

U tassew f’kull qasam tal-ħajja, wieħed spiss iħoss il-ħtieġa li jagħmel eżami tal-kuxjenza ħalli jara jekk għamilx dak kollu li kien mistenni minnu jew jekk kienx naqas fi dmirijietu. Tassew wara kulħadd għaref, imma l-għerf u l-esperjenza jġagħluk tevita l-iżbalji li tkun wettaqt fil-passat. Darba niftakar li kont qrajt bil-mewt ta’ wieħed mill-akbar sinjuruni Ġappuniżi li kien jinsisti li wieħed m’għandhux jirrepeti żball. Li twettaq żball huwa naturali imma li twettqu mill-ġdid huwa  gravi.

Hawn bosta li għandhom jaraw jekk wettqux sew dak kollu li messhom għamlu. Ċertament dan l-eżami għandhom iwettquh dawk l-uffiċjali pubbliċi li minħabba l-inkompetenza tagħhom, wettqu l-iżball inkredibbli li jpoġġu fuq il-mejda tal-Kamra tad-Deputati d-diskors żbaljat tal-baġit. Żball li tassew messu qatt ma twettaq u li baqa’ mhux ċar għala twettaq. Żball li kixef inkompetenza kbira f’ministeru li f’idejh għandu d-destin ekonomiku tal-pajjiż. Dan mhuwiex ġustifikabbli billi wieħed jgħid li kien “żball ġenwin.” Kieku ma kienx ġenwin, kieku kien ikun sabotaġġ imma ħadd ma ssuġġerixxa li dan kien il-każ. Imma lanqas jista’ jitħalla jgħaddi qisu ma ġara xejn.  

 

Madankollu, ħadd miċ-ċivil ma assuma r-responsabbiltà ta’ dak li ġara. U din hija l-problema kbira fis-servizz pubbliku li l-politiċi ħafna drabi jittoleraw, in-nuqqas ta’ kontabilità. Kif jista’ jkun li jitwettaq żball bħal dan mingħajr ħadd ma jassumi r-responsabbiltà? Imma jidher li kollox se jitmewwet: allaħares min jaħdem fi triq in-Nofsinhar kien jaħdem f’Cape Canaveral.

Ċertament, ma kienet ġimgħa xejn tajba għas-servizz pubbliku. Barra dan l-iżball madornali fl-aktar avveniment importanti tal-ħajja leġiżlattiva, assistejna għax-xhieda tas-segretarju permanenti fil-Ministeru tal-Intern fil-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi tal-Kamra dwar l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza. Fix-xhieda tiegħu, ħareġ ċar li s-segretarju permanenti kull ma jagħmel jeżegwixxi l-ordnijiet tas-superjuri politiċi tiegħu. Skont hu, ġaladarba ngħata din l-ordni, irid jirrispettaha irrispettivament jekk hijiex konsonanti mal-liġijiet, regolamenti, prassi jew buon sens.   

Din l-impressjoni ta’ serviliżmu assolut da parti ta’ dan is-segretarju permanenti kompliet tiġi kkonfermata f’xhieda li ta fil-Qorti John Bundy f’kawża ta’ libell li Silvio Scerri, l-eks Chief of Staff tal-Ministru tal-Intern għamel lil Bundy. Bundy xehed li assista għax-xena li fiha Scerri ta ordni lis-segretarju permanenti sabiex jittrasferixxi lil Norman Vella mill-PBS lura għaċ-ċivil, kif fil-fatt ġara ftit wara. Jekk is-segretarji permanenti ma jagħmlu xejn ħlief li jservu ta’ paraventu għall-politiċi u jassekondawhom f’kull ma jixtiequ, wieħed jibda jiddubita mill-ħtieġa tagħhom.

Mid-dehra, dan is-segretarju permanenti mhuwiex uniku fil-ġerarkija taċ-ċivil. Dan l-aħħar faqqa’ l-każ ta’ Toni Debono, ir-raġel ta’ l-eks ministru Giovanna Debono. Ħareġ mix-xhieda li nstemgħet fil-Qorti, li meta l-kuntrattur għamel l-allegazzjonijiet tiegħu, is-segretarju permanenti fil-ministeru t’Għawdex sejjaħ erba’ uffiċjali ħalli jkellmuh li nzertaw li huma lkoll ħatriet politiċi. Dawn kienu l-koordinatriċi tal-komunikazzjoni f’dan il-ministeru, koordinatriċi oħra fis-segretarjat tal-istess ministeru, iċ-chief of staff, u l-eks chief of staff li llum huwa konsulent. Possibli f’ministeru li fih organigramma ta’ bosta diretturi u uffiċjali oħra, is-segretarju permanenti ma seta’ jafda ħadd mill-membri permanenti tas-servizz pubbliku? Minflok is-segretarju permanenti għażel li jiddiskuti każ ferm delikat ma’ maħturin politiċi biex ta l-affari bixra tassew politika. Ċertament ħadd ma jista’ jgħid li bl-azzjoni tiegħu dan is-segretarju permanenti ssalvagwadarja l-awtonomija u l-integrità tas-servizz pubbliku.

Fid-diskors tal-baġit, il-ministru Scicluna qal li matul is-sentejn u nofs ta’ din l-amministrazzjoni kien hemm żieda ta’ kważi 13,450 impjieg full-time. Minn dawn, kien hemm żieda ta’ kważi 10,900 persuna full-time mas-settur privat. Dan ifisser li tmienja minn kull għaxar impjiegi ġodda nħolqu fis-settur privat. Il-ministru kompla jgħid li dan ifisser ukoll li l-proporzjon ta’ impjiegi fis-settur pubbliku llum huwa 26.1% tal-impjiegi kollha full-time mentri fi tmiem l-amministrazzjoni preċedenti kien 26.7 fil-mija. Għaldaqstant, iż-żieda ta’ kważi 3,400 impjieg fis-settur pubbliku hija ġustifikata għall-ministru Scicluna. Ma jidhirx li huwa nkwetat bl-ispiża addizjonali li dawn l-impjiegi ġodda se jeħtieġu, aktar u aktar meta wieħed iqis il-fissazzjoni biex jiġi eliminat id-defiċit u nibbilanċjaw l-kotba ħalli nagħmlu bħal George Osborne.

Flok l-abbużi issa naqsu, jidher li t-tendenza hi li jiżdiedu, u dan bil-barka tal-uffiċjali tal-Ministeru tal-Finanzi

Imma jidher li l-figuri li ta l-ministru Scicluna fil-Parlament mhumiex korretti għall-aħħar. Skont il-Labour Quarterly Survey għat-tieni kwart ta’ din is-sena li ħareġ fit-22 ta’ Settembru li għadda, in-numru ta’ ħaddiema fis-servizz pubbliku minn April sa Ġunju 2015 kien ta’ 50,646. In-numru ta’ nies li jaħdmu bi qligħ kien ta’ 184,871. Dan ifisser li 27.4% tal-ħaddiema bi qliegħ kienu jaħdmu fis-settur pubbliku, u mhux 26.1% kif qal il-ministru fil-parlament. Mid-dehra l-istaff fil-ministeru tal-Finanzi lanqas kien kapaċi jagħti lill-Ministru l-figuri korretti.

L-uffiċjali għoljin f’dawn il-ministeri għandhom ħafna x’jispjegjaw. Mid-dehra taħt l-amministrazzjoni preċedenti kienu jirreżistu bil-qawwa kwalunkwe żieda fl-impjiegi pubbliċi u dan sabiex ma tiżdiedx l-ispiża pubblika. Evidentement, taħt l-amministrazzjoni l-ġdida, dawn ir-reżistenzi evaporaw għal kollox minkejja li dan il-ministeru huwa wieħed mill-ftit li żamm l-istess segretarju permanenti li bosta jqisu li huwa aktar potenti mill-istess ministru tal-finanzi! Aktar inkwetanti huwa n-numru twil ta’ konsulenzi fis-settur pubbliku li ntgħażlu b’direct order. Dan sar bil-beneplaċitu ta’ uffiċjali fil-ministeru tal-finanzi li bl-approvazzjoni tagħhom, qed jarriġiraw il-liġi dwar ix-xiri pubbliku. Kulħadd jiftakar kemm kien qam kjass fil-bidu ta’ din l-amministrazzjoni dwar is-sejħa għall-offerti għall-għażla ta’ konsulenti legali fil-unit tal-Privatizzazzjoni. Kemm hu aktar inaċċettabli li tali konsulenzi jingħataw b’direct order? X’aktarx xi ħadd ser jgħid li dawn l-affarijiet ukoll kienu jiġru taħt l-amministrazzjoni preċedenti u ma jkunx qed jiżbalja għal kollox. Imma flok l-abbużi issa naqsu, jidher li t-tendenza hi li jiżdiedu u dan bil-barka tal-uffiċjali tal-ministeru tal-finanzi.

X’jiswa li jkollok il-gwardjani sabiex iħarsu l-finanzi pubbliċi meta ma jkunux effettivi fil-kontroll ta’ tali spiża? Għax qed dejjem jidher aktar ċar li l-Gvern qiegħed jikkontrolla d-defiċit billi jnaqqas l-ispiża kapitali u jżid l-isforzi biex jiġbor dak li hu lilu dovut (korrettament) mentri mhux qed jikkontrolla l-ispiża rikorrenti li dejjem tiżdied. Ċertament li fid-diskors tal-baġit ma ssemmiet l-ebda inizjattiva sabiex tikkontrolla l-ispiża fis-settur pubbliku.

X’ħin tara dawn l-affarijiet, iċ-ċittadin iħossu tradut li t-titjib sostanzjali fil-kundizzjonijiet u r-remunerazzjoni tal-uffiċjali pubbliċi, speċjalment fil-livelli l-aktar għoljin, mhumiex jagħtu r-riżultati mixtieqa.  

Din ċertament problema kbira għal pajjiżna għax ċivil sottomess u ineffettiv mhuwiex fl-aħjar interess tal-pajjiż. U l-anqas mhu fl-interess tal-pajjiż li kemm il-Gvern preżenti kif ukoll dak futur jippretendi li ċ-ċivil ma jkun xejn ħlief paraventu għad-deċiżjonijiet li jieħdu l-politiċi u l-abbatini tagħhom.

Segwini fuq Facebook jew fuq Twitter @ellisjoseph għall-aġġornamenti dwar l-iżviluppi fix-xena internazzjonali.  

More in Blogs