Snakes and Ladders ... l-artiklu ta' Joe Ellis dwar l-ekonomija Maltija

"Tassew ma jkunx għaqli li wieħed jibbaża l-futur ekonomiku ta’ Malta fuq il-bejgħ ta’ dawn il-passaporti."

Fil-ħajja, l-affarijiet qajla jibqgħu dejjem l-istess. Hawn bnedmin li jibqgħu ħajjtihom kollha fi stat ta’ faqar kbir jew li jitwieldu u jmutu f’sinjurija kbira. Imma għall-maġġorparti tan-nies, hemm min jirnexxielu jtejjeb il-qagħda tiegħu u hemm min jispiċċa ħażin u jinżel mill-pedestal li kien fuqu. Il-ħajja qisha logħba kontinwa ta’ ‘snakes and ladders’, min jitla’ ’l fuq u min jiżloq ’l isfel, min jirnexxielu jerġa jitla’ u min ikompli jgħaddas ’l isfel.  

Dan jgħodd għall-pajjiżi wkoll. Illum iċ-Ċina dalwaqt tkun l-akbar ekonomija tad-dinja. Fi żmien Marco Polo, kienet ukoll il-pajjiż l-aktar avvanżat tad-dinja imma għal sekli kbar, l-imperu Ċiniż waqa’ f’deklin kbir. Fil-Medjuevu, il-pajjiżi Għarab kienu fost l-aktar avvanzati u permezz tagħhom, l-Ewropa skopriet mill-ġdid il-Klassiċi Griegi. Illum qajla nimmaġinaw li l-Għarab kienu għal sekli kbar ferm aktar avvanzati u progrediti mill-Ewropej.  

Forsi l-aktar każ ċar ta’ deklin f’perjodu relattivament qasir ta’ seklu huwa dak tal-Arġentina. Kull min imur Buenos Aires, ma jistax ma jammirax bini grandjuż bħalma huwa it-Teatro Colón, teatru tal-opra li fetaħ fl-1908 u l-istazzjon tat-trenijiet Retiro li tlesta fl-1915. Dan il-bini huwa simbolu tal-Belle Époque, il-perjodu qabel l-Ewwel Gwerra Dinjija meta l-Arġentina kienet pajjiż ta’ opportunità kbira. Spiċċat kalamita għal mijiet t’eluf t’immigranti kemm mill-Ewropa imma anke minn pajjiżi Għarab u mill-Ġappun li sabu xogħol fil-pampas għammiela ideali għat-tkabbir tal-qamħ u tal-bhejjem. Fit-43 sena sal-1914, il-Prodott Gross Domestiku żdied b’medja ta’ 6% fis-sena, rata li llum imdorrijin naraw f’pajjiżi bħaċ-Ċina u l-Indja imma li fl-epoka, kienet l-ogħla rata fid-dinja. Fl-1914 nofs il-popolazzjoni ta’ Buenos Aires kienet imwielda barra mill-pajjiż.

It-tkabbir ekonomiku tal-Arġentina kien tassew impressjonanti. Fl-1908, id-dħul ras imb ras Arġentin kien fis-seba’ post wara dak tal-Iżvizzera, New Zealand, l-Awstralja, l-Amerika, l-Ingilterra u l-Belġju u jiżboq lil dak tad-Danimarka, il-Kanada u l-Olanda. Id-dħul ras imb ras tal-Arġentina kien 70% ogħla minn dak Taljan, 90% ogħla mill-Ispanjol, 180% ogħla minn dak Ġappuniż u 400% ogħla minn dak Brażiljan u 92% tal-medja tas-16-il ekonomija l-aktar sinjura fid-dinja.

Imma llum mitt sena wara, wara sensiela ta’ dittaturi, mexxejja populisti bħal Juan Peron, gwerra diżastruża mal-Ingilterra u mexxejja demokratiċi dgħajfa u ineffettivi, id-dħul ras imb ras hu biss 43% tal-istess 16-il ekonomija l-aktar sinjuri fid-dinja. Tnaqqis drammatiku ta’ aktar min-nofs.  Dan minkejja li r-raġunijiet tal-boom ta’ mitt sena ilu għadhom hemm bil-wesgħat enormi li huma ideali għat-tkabbir tal-qmuħ u tal-bhejjem u d-domanda akbar għall-ikel mill-popolazzjoni dejjem aktar sinjura f’bosta partijiet tad-dinja. U wieħed ma jridx jinsa li minkejja li huwa pajjiż enormi, il-popolazzjoni hija relattivament baxxa ta’ 40 miljun.   

Għala pajjiżi bħall-Amerika, il-Kanada, id-Danimarka, l-Olanda eċċ baqgħu fil-quċċata tal-klassifika ekonomika mentri l-Arġentina dejjem għodsot ’l isfel minkejja li fl-aħħar għaxar snin, il-prezz ta’ ħafna prodotti agrikoli żdied sew?  L-għaqal fit-tmexxija u l-istabbiltà politika u ekonomika ta’ pajjiż huma fatturi mhux inkonsiderevoli għal tali evoluzzjoni. Dawn huma fatturi li m’għandhomx jiġu sottovalutati. M’hemm xejn xi jdejjaq lill-investituri aktar mill-inċertezza.  Investitur jista’ jagħżel li jinvesti f’ambjent xejn demokratiku, u spiss hekk jagħmel, imma mhux f’ambjent inċert. Il-fatt li pajjiżna huwa pajjiż membru tal-UE huwa vantaġġ kbir għax jankra lil pajjiżna fl-akbar suq ħieles tad-dinja b’regolamentazzjoni ferm sofistikata li spiss isservi bħala mudell f’partijiet oħra tad-dinja. Ħafna minn dawk li jivventilaw fuq il-ġurnali l-istmerrija tagħhom għall-UE u għas-suċċessi li sedqet bħaż-żona ta’ Schengen, qajla jirrealizzaw dan kollu.

Is-suċċess mhux biss wieħed irid jaħdem għalih, imma wieħed irid ukoll jindukrah u jikkonsolidah.  Li tasal fil-quċċata huwa ferm pożittiv imma wieħed irid joqgħod attent li l-politika ekonomika u mhux biss dik ekonomika li wieħed jadotta, tiżgura li l-pajjiż ma jaqbadx it-triq tan-niżla bħalma għamlet l-Arġentina. Hija sfida kontinwa li t-tmexxija tal-pajjiż trid taffronta kontinwament.

Din il-ġimgħa reġa’ kellna bosta klassifiki ppubblikati fir-rigward ta’ Malta. Henley & Partners, il-kumpanija li qiegħda tmexxi l-programm ta’ bejgħ ta’ ċittadinanza Maltija qaltilna li l-programm ta’ bejgħ tal-passaport Malti huwa l-aqwa tad-dinja u li l-programm Malti diġà attira €1 biljun f’kapital fi tmintax-il xahar. Anke jekk wieħed iżomm f’moħħu li parti sostanzjali minn dan il-kapital mhu xejn ħlief self lill-Gvern Malti li jrid jintradd lura bl-imgħax għax dan li effettivament jfisser meta ċittadin Malti prospettiv jixtri €150,000 f’titoli tal-Gvern Malti, xorta l-figura tista’ tinstema impressjonanti. Madankollu, tajjeb li wieħed iżomm f’moħħu li €1biljun f’pajjiż ta’ 400,000 ruħ tfisser €2,500 ras imb ras. Sakemm m’aħniex beħsiebna nkomplu nbiegħu l-passaporti, possibilità li wieħed ma jeskludihiex għax ‘l’appetito vien mangiando’ u bosta qegħdin ifattru sew mill-bejgħ ta’ dawn il-passaporti, tassew ma jkunx għaqli li wieħed jibbaża l-futur ekonomiku ta’ Malta fuq il-bejgħ ta’ dawn il-passaporti.  

Issemma wkoll din il-ġimgħa li credit rating agency oħra, dik Kanadiża DBRS ikkonfermat il-long term rating ta’ Malta bħala “A stable”. Dawn ir-rating agencies jitħallsu minn min iqabbadhom jiċċertifikalu d-dejn tiegħu, u spiss jiġu akkużati li għandhom kwalunkwe interess li ma jdardrux l-għajn li jridu jixorbu minnha. Il-każ klassiku huwa dak ta’ Enron li minkejja li fis-sena 2000 suppost kellha dħul ta’ $111 biljun, fit-2 ta’ Diċembru 2001 talbet li tiġi ddikjarata falluta fl-akbar falliment tal-istorja Amerikana. Madankollu, sa erbat ijiem qabel, it-tliet rating agencies il-kbar, Moody’s, Standard & Poor’s u Fitch kienu jqisu t-titli tagħha bħala ‘investment grade’ meta fil-fatt kienu agħar mill-karta taż-żibel.  

Li tasal fil-quċċata huwa ferm pożittiv imma wieħed irid joqgħod attent li l-politika ekonomika u mhux biss dik ekonomika li wieħed jadotta, tiżgura li l-pajjiż ma jaqbadx it-triq tan-niżla bħalma għamlet l-Arġentina.

Madankollu, l-opinjoni ta’ dawn ir-rating agencies għadha meqjusa bħala qisha l-oraklu ta’ Delfi u kull meta xi rating agency joħroġ xi rapport, il-ministeru tal-finanzi joħroġ stqarrija biex jifraħ u jferraħ dwar dan is-suċċess ġdid. Ir-rapport ta’ DBRS ftit jew wisq jirrifletti dak li diġà qalulna rating agencies oħrajn u bbażaw il-konklużjoni tagħhom fuq il-fatt li l-Gvern Malti qed jadotta politika ekonomika ferm awstera u poġġa t-tnaqqis tad-defiċit bħala l-ogħla priorità tiegħu u dan x’aktarx anke a skapitu ta’ investiment kapitali meħtieġ. Għad irridu naraw kemm dan hu tassew għaqli meta l-Gvern qed iżid in-nefqa tiegħu konsiderevolment b’żieda sostanzjali fin-numru ta’ impjegati fis-settur pubbliku. Sabiex jirrikonċilja tali żieda fin-nefqa rikorrenti, il-Gvern bilfors ikollu jagħmel aktar sforzi sabiex idaħħal aktar u possibilment inaqqas l-ispiża kapitali.  

Mhux konvint li qed isir sforz adekwat sabiex Malta ssir aktar kompetittiva għax l-enfasi jidher li hu li jitnaqqas id-defiċit

Jekk wieħed iħares lejn is-sejħiet tal-offerti li qed joħorġu fuq il-Gazzetta tal-Gvern, wieħed ma jistax ma jinnotax nuqqas kbir ta’ proġetti pubbliċi. Ħadd ma jista’ jifhem eżatt x’qed jiġri għax donnha hi politika deliberata tal-Gvern biex ma joħroġx offerti sakemm toqrob aktar l-elezzjoni. Il-proġetti pubbliċi li hawn għaddejjin nbdew taħt l-amministrazzjoni preċedenti u bosta mill-kuntratturi għandhom jieħdu somom kbar mingħand il-Gvern. Dan meta din il-ġimgħa sirna nafu figura oħra, li s’issa, anqas minn tlett xhur qabel ma rridu nonfqu l-flus kollha mill-fondi strutturali allokati lil Malta għas-snin 2007 sa 2013, għadna biss infaqna 81% minnhom. Biex ma nsemmux li għadna lanqas nafu kif se nonfqu l-flus li ġew allokati lil Malta għall-programm tas-snin 2014 sa 2020 meta diġà kważi għaddew sentejn minn meta stajna nibdew nonfquhom.  

L-aħħar klassifika li sirna nafu biha wkoll, lanqas ma kienet tant komplimentuża: skont il-World Economic Forum, il-kompetitività ta’ Malta fl-indiċi tal-kompetitività għas-snin 2015-2016 niżlet post ieħor għat-48 post minn 140 ekonomija, u dan wara li nżilna 6 postijiet fl-2013. B’din ir-rata, dalwaqt noħorġu mill-aqwa ħamsin u fost l-ekonomiji avvanzati, is-Slovenja, is-Slovakkja, Ċipru u l-Greċja biss qegħdin aktar ’l isfel minnha. Il-fatturi li qegħdin jitfgħu lura lil Malta huma litanija familjari li donnu l-ebda Gvern mhu kapaċi jsolvi: l-akbar ostaklu, bħal fis-snin ta’ qabel, hija l-burokrazija taċ-ċivil imma fatturi oħra huma l-aċċess għall-finanzi, nuqqas ta’ ħaddiema edukati kif ukoll ta’ ħeġġa innovattiva.

Il-gvern jista’ jkun kuntent li s-settur tal-propjetà jidher li ħa r-ruħ minħabba bosta fatturi bħat-tneħħija tal-boll għal min jixtri l-ewwel darba u d-domanda għall-propjetà sabiex tinkera lil eluf li qegħdin, għal raġuni jew oħra, jiġu f’pajjiżna. Imma tajjeb li wieħed iżomm f’moħħu li kwalunkwe bużżieqa tista’ tinfaqa’ fi kwalunkwe ħin u l-ekonomija trid tkun biżżejjed b’saħħitha sabiex tissupera kwalunkwe tendenza negattiva li inevitabbilment tista’ titfaċċa. Ma tantx jeżistu soluzzjonijiet ħfief u bla sagrifiċċji fil-ħajja u sabiex ma naqbdux it-triq tal-Arġentina, l-għażliet li jridu jsiru jridu bil-fors ikomplu jsaħħu l-kompetitività ta’ pajjiżna.  

Wieħed mhuwiex konvint li qed isir sforz adekwat sabiex Malta ssir aktar kompetittiva għax l-enfasi jidher li hu li jitnaqqas id-defiċit, mhux li nsiru aktar kompetittivi.  L-imsieħba soċjali għandhom jibdew jiflu l-politika ekonomika tal-Gvern b’aktar reqqa u mhux jistrieħu fuq ġudizzji superfiċjali li ma jiflux il-problemi fundamentali tal-ekonomija tagħna.

Segwini fuq Facebook jew Twitter @ellisjoseph

More in Blogs