Il-Belt bigħnielha ruħha għal iktar divertiment?

Iktar ma’ jmur, il-Belt qed issir waħda mill-iktar bliet imfittxija għad-divertiment. ELAINE CAMILLERI titkellem mas-Sindku Belti  Alfred Zammit, u żewġ residenti.

(mix-xellug) Ylenia Montfort, Pawlu Mizzi u Alfred Zammit
(mix-xellug) Ylenia Montfort, Pawlu Mizzi u Alfred Zammit

Fil-jiem li għaddew deher jiċċirkola fuq il-midja soċjali ritratt ta’ xow tal-Burlesque f’waħda mit-toroq Beltin. F’nofs id-dibatittu li r-ritratt qajjem kien hemm is-Sindku Belti Alfred Zammit li saħansitra għamel rapport lill-pulizija kontra s-sidien responsabbli mix-xow. 

F’kummenti ma’ din il-gazzetta, Alfred Zammit ċaħad li huwa kien kontra t-tip ta’ xow u l-arti, iżda huwa jinsisti li kien hemm ksur fil-liġi. 

Skontu, ix-xow seħħ mingħajr permess u kawża t’hekk, avveniment li kien għaddej fil-knisja sab diffikultà biex ikompli.  

Meta mistoqsi x’hemm bżonn isir iktar biex il-Belt toffri spazju għal kulħadd, is-Sindku tal-Belt qal li hemm bżonn ta’ iktar infurzar. Spjega li l-infurzar, mhux responsabbiltà tal-Kunsill, iżda qiegħed f’idejn il-Gvern. 

Intant, Ylenia Montfort, kandidata tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Kunsill Lokali u residenta, spjegat li r-resident għandu jkun il-qalba ta’ kull lokalità.  

Filwaqt li Montfort irrikonoxxiet li x-xow innifsu jitqies bħala forma ta’ arti, “wieħed irid jara x’tipi ta’ arti qed tiġi esebita u fejn.”  

Qalet li hemm diversi swali addattati fejn jistgħu jiġu esebiti “forom ta’ arti mhux xierqa għall-pubbliku.”  

“Imkien ma tara xows bħal dak f’nofs ta’ triq kapitali fejn jgħaddu residenti, turisti u familji bit-tfal,” hija insistiet. 

Argumentat illi dan ix-xow partikolari kien inaċċettabbli mhux biss għan-natura tiegħu, iżda wkoll għax sar viċin Knisja waqt “żmien li wieħed suppost jidħol f’qoxortu u jindem.” 

Jitkellem mal-ILLUM, resident ieħor, Pawlu Mizzi ta stampa kif “il-Belt Valletta sbieħet estetikament b’diversi interventi miż-żewġ gvernijiet iżda tilfet wisq fejn tidħol ir-ruħ”.  

Jaqbel miegħu, is-Sindku qal li sfortunatament hemm stabbilimenti oħra li jwettqu xi avvenimenti mingħajr permessi. “Kien hemm rapporti u saħħaħna l-argument tagħna li l-Belt mhix burdell u l-liġi qiegħda hemm għal kulħadd.” 

Tkompli magħhom, Montfort saħqet li “m’iniex kontra d-divertiment persè, iżda dawk illi mis-saba’ jieħdu l-id u jispiċċaw iżebilħu l-patrimonju Belti”.  

Min-naħa tiegħu Pawlu Mizzi qal kienu rari d-drabi fejn ra Sindki jew Kunsilliera li qabżu għar-resident u t-talbiet tagħhom b’mod voċiferu. Huwa insinwa li l-kunsill huwa marid “b’virus tal-politika partiġġjana.” 

Mizzi qal li peress li l-Belt hija bejta tad-divertiment, “irridu nbatu l-konsegwenzi ... fejn qabel il-biża’ kienet minn spazji diżabitati, illum il-biża’ hi l-preżenza ta’ nies bla skrupli.” 

More in Socjali