Studju jsib li aktar ġew Maltin lura, milli telqu lil hinn minn xtutna

Skont figuri ppubblikati fl-aħħar jiem mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, ta’ kull sena qed jonqsu l-Maltin li jemigraw mill-pajjiż

Skont figuri ppubblikati fl-aħħar jiem mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, ta’ kull sena qed jonqsu l-Maltin li jemigraw minn pajjiżna. 

L-istess numri juru li fuq medda ta’ għaxar snin kellna iktar Maltin li ġew lura pajjiżna milli telqu minn Malta.  

Filwaqt li fl-2013 madwar 2,300 Malti emigra, is-sena l-oħra emigraw biss 780 persuna. 

Qabel dawn in-numri, l-argument mhux darba jew tnejn qam, bil-bosta jgħidu li qed jitilqu ż-żgħażagħ minn Malta. 

L-argument fl-isfera politika saħan iktar meta sondaġġ tal-EY Generate Youth qal li 60% taż-żgħażagħ iridu jitilqu mill-pajjiż u jibdew ħajja ’l bogħod mill-inkwiet “politiku, fl-ambjent u x-xogħol.” 

Tanalizza l-fatti li ħarġu miċ-ċensiment, l-ILLUM sabet li l-istatistika turi li għal kull tliet persuni li emigraw fl-2013, fl-2022 emigrat persuna waħda biss.  

Fuq medda ta’ għaxar snin emigraw minn pajjiżna 16,877 ċittadin Malti.  

Imma fl-istess perjodu ġew lura pajjiżna 18,223 Malti. Dan ifisser li l-ammont ta’ Maltin li ġew lura f’pajjiżhom kien 1,346 aktar mill-ammont li emigraw.  

Fejn jidħlu ż-żgħażagħ, ir-riżultati huma simili.  

Il-figuri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jindikaw li fl-2022 kienu 194 Malti ta’ bejn 15 u 29 sena li emigraw. B’kuntrast, fl-2012 kienu emigraw 828 żagħżugħ Malti. Dan ifisser li fl-2012 kienu emigraw erba’ żgħażagħ għal kull żagħżugħ li emigra fl-2022.  

Waqt li fl-2022 kien hemm 267 aktar żgħażagħ Maltin li ġew lura pajjiżna milli emigraw ’il barra, fl-2012 kien hemm 215 aktar żgħażagħ Maltin li telqu minn pajjiżna milli kienu ġew lura. 

Dan mhux biss. Studju riċenti sab ukoll li Malta qed ikollha opportunitajiet attraenti biżżejjed biex tiġbed studenti barranin lejha.  

Skont riċerka, immexxija minn William Russell, Malta kklassifikat fit-tieni post mill-pajjiżi l-aktar faċli biex temigra lejh. 

Ir-riċerka ħarset lejn għadd ta’ pajjiżi u analizzat fatturi bħall-popolazzjoni ta’ immigranti, informazzjoni dwar il-viża, vaċċini meħtieġa u rekwiżiti tal-lingwa biex tiddetermina l-aktar pajjiżi faċli biex jemigraw lejh in-nies. 

Lura lejn l-istatistika tal-NSO, fl-2012 kienu 182 żagħżugħ Ewropew li ġie joqgħod f’pajjiżna. Dan l-ammont tela’ bi ħdax il-darba aktar fl-2022, b’2,051 jiġu f’Malta. 

More in Socjali