‘Li kieku forsi smajtu, ma kienx jindifen,’ – ir-rapper żagħżugħ li tilef lil sieħbu b’suwiċidju

Juża’ l-imħabba għal mużika rap sabiex jgħaddi l-messaġġ tiegħu. Iltaqa’ ma wisq, tilef lil sħabu għal vizzji tad-droga u anke għas-suwiċidju. Iħoss li bil-mużika jista’ jonorahom. Iltaqa' mal- Lil-Jun

Ġewwa studio f’San Ġwann sibt lil Lil-Jun, iltqajt ma’ rapper mis-Siggiewi li għandu għal qalbu l-mużika rap.  

Ma stajtx nirfes l-għatba mingħajr ma nistaqsih kif għażel ismu. “Jekk temmen fid-destin ... kapaċi nħalli marka issa u nagħmel differenza,” dlonk wieġeb.  

Għal Lil-Jun, il-ġeneru rap huwa għodda li bih kapaċi jwassal messaġġ qawwi u jgħin lil dak li jkun jirrelata l-lirika mar-realtà.  

Fil-kanzunetti tiegħu huwa jesplora diversi temi li jħoss lis-soċjetà baqgħet ftit għamja fuqhom, jew anke huma tabù.  

Fosthom, Lil-Jun iddoqqli d-diska tiegħu ‘Antisuwiċidju’. Isimha magħha, u tagħtik għafsa ta’ qalb.  

Permezz tagħha, l-artist qasam l-esperjenza tiegħu fuq is-suwiċidju wara li tilef lil sieħbu meta ħa ruħu b’idejh. 

“Li kieku forsi smajtu, ma kienx jindifen”, imma x’ried ifisser biha? Vers li jolqot fil-laħam il-ħaj. Ikexkxek bil-bard.  

Għal Lil-Jun dan huwa vers li jġorr miegħu r-realtà li fostna hawn persuni li mhumiex qed jinstemgħu, bil-konsegwenza li jispiċċaw ‘jindifnu’.  

Filwaqt li qal li jemmen li l-għajnuna teżisti, kif ukoll promozzjonijiet fuq it-televiżjoni u mezzi soċjali, qanqal punt interessanti. Huwa qalli li s-soċjetà hija miksija minn faxex differenti li jirrikjedu mogħdijiet differenti ta’ komunikazzjoni.  

Huwa kompla jgħid kif id-diska ma kinitx biss messaġġ għall-vittmi tas-suwiċidju imma anke lil dawk affettwati mill-esperjenza trawmatizzanti.  “Nitkellem ukoll fuq min iħallu warajhom, l-omm, il-missier, il-mara, it-tfal fost persuni oħrajn bħal ħbieb.”  

Spjegali kif familjari u qrabat iħossuhom responsabbli għal dak li jkun ġara minkejja li ma jkollhom xejn x’jaqsmu mar-raġuni li tkun wasslet lil vittma ttemm ħajjitha.  

“Bid-diska xtaqt li nkun pont. Pont li jgħaqqad il-persuni li għandhom bżonn l-għajnuna mal-għajnuna li joffri l-istat, permezz ta’ lingwa li jifhmu, il-lingwa tar-rap.” 

Meta staqsejtu fuq jekk kellux għajnuna biex ikun jista’ jiżviluppa t-talent tiegħu, b’dispjaċir qalli le. Sostna li għandu jkun hawn iktar għarfien fuq diski miktuba minn artisti Maltin u li għandhom stili differenti.  

“Diski tar-rap u hip hop lil hinn minn xtutna li qed jisimgħu żgħażagħ Maltin, kulma tara u tisma’ huwa fuq vjolenza, sess, droga, armi fost affarijiet oħra.”  

Għalih dawn it-tipi ta’ diski qed iwasslu messaġġ li jmur kontra l-valur u l-moral tal-ħajja u fuq kif wieħed għandu jgħixha. Huwa jemmen li r-rap għandu jkun metodu ta’ espressjoni u mhux mezz biex wieħed jiftaħar. 

Jgħid li kien xhud ta’ ħafna affarijiet koroh. Jirrakkontali dwar nies viċin tiegħu li qabdu l-vizzju tad-droga u oħrajn tal-logħob tal-azzard. 

“Naf nies li kellhom xogħol stabbli, familja ‘normali’ u minħabba l-vizzju spiċċaw biegħu saħansitra l-mejda tal-ikel fejn fuqha kienu qed jieklu t-tfal tiegħu”.  

Lil-Jun enfasizza fuq dan il-punt għaliex huwa trabba f’familja u kien maħbub mill-ġenituri tiegħu però l-kurżità għelbitu xi ftit. Minkejja dan, għaraf li kien hemm punt fejn wieħed jista’ jasal u tgħallem minn dak li għadda minnu.  

Lil-Jun qalli li minkejja jaf ikunu ta’ sfida, il-familja għandha tagħmel kollox fis-setgħa tagħha biex tgħin lill-vittma minflok mal-ewwel opportunità tkeċċih ’il barra.  

Min-naħa l-oħra, il-vittma għandha tafda f’familtha għax mingħajr l-appoġġ ta’ dawk li jgħożżuk taf tkompli nieżel in-niżla.  

Tkellimna wkoll fuq il-mużika bil-Malti. Jgħid li ma tantx hija apprezzata f’pajjiżna stess.  

Fl-aħħar mill-aħħar, Lil-Jun huwa konxju tad-don li għandu, u jgħid li Alla tahulu għal raġuni. “Nemmen li jien differenti u li ħa nħalli marka tajba warajja,” qalli bi tbissima.   

More in Socjali