Jobsplus tgħaddi taħt Byron Camilleri, Abela jieħu deċiżjoni wara l-Inkjesta ta' Sofia

Il-Prim Ministru jċaqlaq Jobsplus minn taħt Clyde Caruana u tgħaddi f'idejn Byron Camilleri għal 'immaniġġjar' aħjar ta' ħaddiema barranin • Il-portafoll tal-ugwaljanza u r-riformi jgħaddu taħt Chris Fearne

Il-Prim Ministru jagħti lil Jobsplus taħt il-portafoll ta' Byron Camilleri. 

Robert Abela ħabbar dan it-tibdil il-Ħamis, ġurnata wara s-sejbiet tal-Inkjesta Pubblika ta’ Jean Paul Sofia. 

"Bil-għan li tkun ikkonsolidata u kkoordinata b’mod aħjar il-ħidma marbuta mal-immaniġġjar ta’ ħaddiema barranin fis-suq tax-xogħol Malti, il-Prim Ministru Robert Abela ħa deċiżjoni li l-aġenziji Identità u Jobsplus ikunu responsabbiltà tal-istess Ministeru."

Il-portafoll tal-impjiegi tal-Ministru tal-Finanzi, li jinkludi Jobsplus, tneħħa kompletament u ġie trasferit fil-ministeru ta’ Byron Camilleri. 

L-Inkjesta ta’ Sofia kkummentat negattivament dwar il-kontrolli laxki adottati minn Jobsplus meta aċċettat applikazzjonijiet għal ħaddiema barranin minn kumpaniji u n-nuqqas ta’ koordinazzjoni ma’ Identità li toħroġ il-permess ta’ residenza.

"Il-pass li qed jittieħed illum huwa primarjament maħsub biex tissaħħaħ il- koordinazzjoni bejn l-entitajiet governattivi," qalet l-istqarrija tal-OPM mingħajr ma għamlet referenza għas-sejbiet tal-inkjesta.

Byron Camilleri ġie inkarigat li jibni fuq il-“ħidma importanti” li beda Caruana fuq il-politika nazzjonali tax-xogħol, tgħid l-istqarrija.

Għal dan il-għan il-Ministru Byron Camilleri se jkun qed iservi bħala Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u x-Xogħol. 

B’konsegwenza ta’ din il-bidla, ir-riformi u l-ugwaljanza issa se jkunu qed jimxu taħt id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, bis-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg tibqa’ fdata bir-responsabbiltà tas-setturi.

Il-Ministeru se jkun iġib l-isem tal-Ministeru għall-Fondi Ewropej, Ugwaljanza, Riformi u Djalogu Soċjali. 

More in Socjali