Iktar minn 1,000 persuna tilfet ħajjitha bil-Lewkimja jew bil-Limfoma mill-2007 sal-2021

Statistika ġdida maħruġa fil-Parlament, uriet li bejn l-2007 u l-2021, 52 tifel u tifla sa 16-il sena mardu bil-Lewkimja u 22 tifel u tifla taħt is-16-il sena mardu bil-Limfoma

Statistika ġdida maħruġa dil-ġimgħa fil-Parlament, uriet li mill-2007 sal-2021, 1,101 persuna mietu kawża tal-Lewkimja jew tal-Limfoma. 

Mill-1,101, 410 mietu bil-Lewkimja, b’405 jkunu adulti u ħamsa minnhom ikunu ħamest itfal. Is-691 l-oħra kienu adulti li mietu bil-Limfoma. 

Bejn l-2007 u l-2021, 52 tifel u tifla sa 16-il sena mardu bil-Lewkimja. 47 minnhom għadhom ħajjin. 

22 tifel u tifla taħt is-16-il sena mardu bil-Limfoma matul l-istess perjodu ta’ żmien, bil-każijiet kollha għadhom taħt monitoraġġ attiv sal-aħħar tal-2023. 

Fost l-adulti, 608 mardu bil-kanċer tal-Lewkimja bejn l-2007 u l-2023. Kull każ ġie segwit u sal-31 ta’ Diċembru 2023 kienu 203 li baqgħu ħajjin. 
Adulti li mardu bil-Limfoma kienu ta’ 1,600. Dawn ġew segwiti u sal-31 ta’ Diċembru 2023, huma 909 li baqgħu ħajjin. 

Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne preżenta dawn in-numri fil-Parlament u spjega li statistika mill-2021 ’il quddiem għadha tiġi miġbura, ikkodifikata, ivverifikata u analizzata. 
Huwa kien qiegħed iwieġeb għall-mistoqsija parlamentari tal-MP Nazzjonalista Bernice Bonello. 

257 għaddejjin bil-kura tal-kimoterapija fl-2023 

Jirrispondi għall-istess mistoqsija, il-Ministru Abela semma li bħalissa qed jieħdu l-kura għal-Lewkimja 13-il tifel u tifla inqas minn 16-il sena. L-ebda persuna tal-istess età mhi tieħu trattament għal-Limfoma. 

Min-naħa l-oħra, bħalissa jieħdu trattamenti ta’ kimoterapija, hemm 119-il pazjent bil-Lewkimja u 125 pazjent bil-Limfoma. 

Meta tkellem fuq Xtra t-Tnejn 19 ta’ Frar, il-Ministru Jo Etienne Abela sostna li Malta qed toffri fost l-aħjar kura fir-rigward tal-mard tal-kanċer, b’mod partikolari l-kanċer tas-sider.  

Saħaq li r-riżultati jindikaw li pajjiżna joffri t-tieni l-aħjar riżultati tal-kura fl-Ewropa.  

Elenka servizzi oħra fl-isfera ta’ trattament fosthom esperti tal-kardjoloġija li qed jgħallmu servizzi innovattivi anke lill-pajjiżi ġirien.

More in Socjali