Titnaqqas bin-nofs it-taxxa fuq id-dħul mid-drittijiet tal-awtur

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ħamis, tħabbar li t-taxxa fuq id-dħul mid-drittijiet tal-awtur niżlet minn 15% għal 7.5%

President tal-KNK, Mark Camilleri (xellug), Ministru Clifton Grima (lemin)
President tal-KNK, Mark Camilleri (xellug), Ministru Clifton Grima (lemin)

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ħamis, tħabbar li t-taxxa fuq id-dħul mid-drittijiet tal-awtur niżlet minn 15% għal 7.5%.

Din il-konferenza kienet indirizzata mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, On. Clifton Grima, u l-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK), Mark Camilleri.

Ix-xogħol leġislattiv tal-KNK fuq it-taxxi mid-dħul mid-drittijiet beda fl-2020, meta ġie ppubblikat abbozz ta’ liġi li ppropona. 

Fosthom, il-KNK ħadem ukoll fuq inċentivi fiskali li jinkuraġixxu lill-imsieħba fl-industrija jimxu ma’ standards professjonali, l-aktar fejn jidħol il-ħlas tad-drittijiet lill-awtur li ma jkunux taxxabbli, u biex il-pubblikatur ikun jista’ jitlob sa 200% rifużjoni tat-taxxa fuq id-drittijiet kollha mħallsa lill-awturi.

Fid-diskors tiegħu, Grima sostna li l-artisti għandu rwol importanti fis-soċjetá demokratika u anke fil-pajjiż. Filwaqt li qal li rridu “nkomplu nsostnu l-impenn qawwi tagħna favur ix-xogħol tal-artisti u l-kreattività tagħhom.”

Filwaqt li t-talba oriġinali tal-KNK kienet li t-taxxa titneħħa għalkollox, il-Kunsill ħa jkompli jistinka biex din titneħħa għalkollox. Camilleri qal li d-dħul li l-Gvern jiġbor mit-taxxi fuq id-dħul mid-drittijiet tal-awtur huwa kumplessivament żgħir, u allura l-aspetti pożittivi tat-tneħħija tat-taxxa fuq l-industrija tal-kotba jkunu akbar mill-aspetti negattivi rigward inqas dħul lill-Gvern mit-taxxi.

Camilleri rrefera għat-tieni talba tal-KNK, li l-pubblikatur ikun jista’ japplika għal rifużjoni tat-taxxa mħallsa fuq drittijiet imħallsa lill-awturi, sa massimu ta’ 200% tat-taxxa mħallsa.

Huwa temm jgħid li l-KNK se jibqa’ jistinka għall-indipendenza ekonomika tal-isieħba tiegħu, ewlenin fosthom l-awturi u l-pubblikaturi. 

More in Socjali