Robert Abela u Bernard Grech fil-Qorti hekk kif il-gvern jintervjeni fil-każ Vitals imressaq mill-PN

Abela, flimkien mal-Ministri Jonathan Attard u Byron Camilleri attendew għall-ewwel seduta tal-kawża, li saret illum quddiem l-Imħallef Giovanni Grixti

Grech u Delia ressqu l-każ f’Diċembru li għadda sabiex iġiegħlu lill-Istat jieħu azzjoni sabiex jiġu rkuprati l-miljuni ta’ ewro mitlufa b’riżultat tal-ftehim ta’ privatizzazzjoni tal-isptarijiet tal-2015, li ġie annullat fi Frar 2023, minħabba frodi fuq il-parti ta’ VGH u Steward Healthcare.

Taħt dak il-ftehim, Vitals ingħatat l-Isptar San Luqa, l-Isptar Karin Grech u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Anqas minn sentejn wara li ngħatat il-konċessjoni, Vitals biegħha lil Steward Healthcare, flimkien ma’ €55 miljun f’dejn akkumulat mill-VGH, għall-prezz nominali ta’ €1.

Abela, flimkien mal-Ministri Jonathan Attard u Byron Camilleri attendew għall-ewwel seduta tal-kawża, li saret illum quddiem l-Imħallef Giovanni Grixti. Attendew ukoll l-atturi Grech u Delia.

Illum ħareġ li l-Gvern u l-Kabinett kienu ressqu rikors fejn talbu l-ammissjoni tagħhom bħala partijiet fil-kawża. Debono informa lill-qorti li l-klijenti tiegħu ma kinux ġew notifikati kif suppost b’kopja ta’ din l-applikazzjoni, iżda qal li kienu qed jopponuha.

Debono żied jgħid li huwa fid-dmir li jinforma lill-qorti li qarib tal-imħallef, Dr Charles Grixti, li llum miet, kien inħatar mill-gvern biex jagħmel dovuta diliġenza fuq l-aspett mediku tal-ftehim, li sussegwentement tħassret.

L-Avukat James D’Agostino, li jirrappreżenta lill-Avukat tal-Istat, sostna li dan il-fatt m’għandu x’jaqsam xejn mal-każ inkwistjoni, li wassal lil Debono biex jiċċara li l-klijenti tiegħu ma kinux qed jitolbu r-rekuża tal-imħallef li jippresiedi.

Il-partijiet komplew jiddikjaraw li ma kellhom l-ebda oġġezzjoni jew riżervi jekk il-qorti tkompli tisma’ l-kawża, kif ippreseduta.

Debono talab permess biex jiġu esebiti dokumenti, inkluż affidavits, qabel ma l-qorti ħarġet id-deċiżjoni tagħha dwar it-talba biex jintervjeni fil-każ. It-talba, madankollu, ġiet miċħuda mill-qorti, li rrimarkat li ma kienx l-istadju korrett li jsir dan.

Is-seduta ġiet differita għall-ġimgħa d-dieħla għal sottomissjonijiet orali dwar it-talba tal-intervenjenti.

L-avukati Edward Debono u Nicholas Debono qed jassistu lil Grech u Delia.

L-Avukat tal-Istat Chris Soler, flimkien mal-avukati James D’Agostino u Julian Farrugia, irrappreżentaw lill-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat, filwaqt li l-avukati Ian Borg, Maurizio Cordina u Chris Cilia irrappreżentaw lill-Gvern ta’ Malta u lill-Kabinett tal-Ministri.

More in Socjali