Fl-2022, total ta’ 26,187 Malti użaw is-servizzi tas-Soup Kitchen, 62% kienu rġiel

Is-Soup Kitchen nefqet aktar minn €710,100 fi spejjeż ta’ ikel u ppreparat iktar minn 91,350 platt t’ikel fl-2022 biex tgħin lil dawk fil-bżonn 

Minn statistika maħruġa mis-Soup Kitchen OFM Valletta, jidher biċ-ċar li kwantità kbira tal-individwi li jinqdew mis-servizzi li joffru l-patrijiet Franġiskani, huma infatti ċittadini Maltin.  

Il-kċina nfetħet f’Awwissu tal-2021, u sa Diċembru 2021, il-kċina serviet ma’ 8,600 persuna u għaxart itfal. 91% ta’ dawn in-nies li ġew bżonn is-servizz pastorali ta’ Fr Marcellino kienu Maltin, filwaqt li 9% kienu barranin.  

Minn dan in-numru, l-ogħla rata kienet fost il-ġeneru maskili b’persentaġġ ta’ 65% u 35% kienu ta’ ġeneru femminili. F’temp ta’ tliet xhur il-kċina nefqet €172,000 fi spejjeż ta’ ikel u ppreparat aktar minn 25,000 platt ikel sħun u bnin biex titma’ lill-oħrajn.  

Mill-banda l-oħra, fl-2022, il-kċina serviet 30,450 persuna u 220 tifel u tifla. 86% ta’ din iċ-ċifra kienu Maltin u 14% kienu barranin.  

L-ogħla rata ta’ persuni li kielu mingħand is-Soup Kitchen kienet fost l-irġiel, b’rata ta’ 62%, filwaqt li l-persentġġ tan-nisa kien 38%. 

Fl-2022, il-kċina nefqet madwar €710,100 fi spejjeż ta’ ikel u ppreparat iktar minn 91,350 platt ikel.  

Il-missjoni tas-Soup Kitchen mhijiex biss li tipprovdi platt ikel fuq il-mejda iżda anke timbuttahom joħorġu fid-dinja tax-xogħol.  

Fl-2021, 11-il persuna li kienu jinqdew ta’ spiss mill-kċina rnexxielhom isibu impjieg. Min-naħa l-oħra, fl-2022, 35 persuna sabu impjieg bl-għajnuna tas-Soup Kitchen. 

Kulħadd huwa milqugħ fis-Soup Kitchen il-Belt. Fil-fatt, id-data tal-istatistika turina li n-nies li jiffrekwentaw il-kċina ġejjin minn 15-il lokalità differenti, fosthom minn Raħal Ġdid, San Pawl il-Baħar, Ħal Kirkop, il-Ħamrun u oħrajn.  

Is-Soup Kitchen taħdem permezz tal-voluntiera. Fil-fatt, skont statistika pprovduta minnhom, il-voluntiera li jmiddu jdejhom għax-xogħol ġejjin minn 62 pajjiż differenti minn madwar id-dinja (inkluż Malta), fosthom mill-Albania, il-Honduras, il-Kenya, il-Latvia, l-Iżvezja u r-Russja fost ħafna iktar.  

More in Socjali