Għażiż Missier – proġett ta’ traduzzjoni għall-karità

Ktejjeb bl-isem ‘Ittra lill-Missier’ ġie ppubblikat bħala parti minn proġett interdixxiplinarju artistiku bl-għan li terġa’ titla’ fil-wiċċ diskussjoni dwar il-problematika tal-ideal maskili li jsawwarna fis-seklu 21

Ġie ppubblikat il-ktieb ‘Ittra lill-Missier’, ittra li ġiet tradotta mill-Ġermaniż u li minnu l-flus miġbura se jmorru għall-karità. 

Din l-ittra, ‘Brief an den Vater’, ġiet tradotta għall-Malti minn Nicole Vassallo, studenta tat-tielet sena fil-Ġermaniż (Unuri) li għandha għal qalbha t-traduzzjoni letterarja u l-kitba kreattiva.

Dan il-proġett żewweġ il-viżiv mat-traduzzjoni permezz tal-fotografija ta’ Chenille Zumyat u Stephanie Paris. Il-fotografija, jgħidu Zumyat u Paris, joffru opportunità ikbar li dan ix-xogħol jikkuntestwalizza ruħu fil-qalba tal-kultura Maltija u jmiss il-kuxjenza tal-Maltin dwar problema soċjali li għadha evidenti ħafna f’dawn il-gżejjer.

B’mod akbar u oġġettiv, dan il-ktejjeb jittratta primarjament it-tema tal-maskulinità tossika u l-wirt ta’ normi soċjetarji minn ġenerazzjoni maskili għal oħra. 

Il-proġett illi ħadmu fuqu Nicole Vassallo, artista emerġenti li ntgħażlet bħala Artivista, flimkien mat-tim fotografiku tagħha, kien jismu ‘Ittra lill-Missier’ li huwa essenzjalment traduzzjoni ta’ ittra sentimentali ta’ Franz Kafka li nkitbet fl-1919 għal missieru Hermann Kafka. Hija ittra li qatt ma kienet intenzjonata li tinqara mill-pubbliku, iżda b’xi mod tinstab f’idejna llum il-ġurnata, f’diversi lingwi fosthom il-Malti. 

Il-gwida tal-proġett kienet Loranne Vella, li hija l-awtur tar-rumanzi ‘Marta Marta’, ‘Rokit’ u ‘Magna Mater’, u tan-novella ‘dawn l-erbat ikmamar l’għandi’ fost oħrajn. Hija rebħet il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb diversi drabi, fosthom għar-rumanzi ‘Marta Marta’ fl-2023 u ‘Rokit’ fl-2018. 

L-editriċi tal-proġett kienet Leanne Ellul li tgħallem il-Malti u saħansitra tikteb kemm poeżija kif ukoll proża. Ellul kitbet ukoll għat-teatru u anke textbooks u kotba oħra għat-tfal. Ellul traduċiet ukoll numru ta’ xogħlijiet għall-Malti, u tifforma parti minn entitajiet li għandhom il-lingwa u l-kultura Maltija fil-qalba tagħhom, fosthom Inizjamed u Fondazzjoni HELA. 

‘Għażiż Missier’, paġna fuq Facebook li ttellgħet bl-għan li jinxtered dan il-proġett, huwa proġett megħjun u ffinanzjat minn Aġenzija Żgħażagħ u l-Kunsill Malti għall-Arti bħala parti mill-programm tagħhom ta’ Artivisti. 

Artivisti jappoġġja lill-artisti żgħażagħ biex jiżviluppaw il-prattika artistika tagħhom permezz ta’ kollaborazzjonijiet interdixxiplinarji kif ukoll jiżviluppaw il-kapaċità kreattiva tagħhom bħala artisti attivi. Dan irawwem motivazzjoni fl-artisti żgħażagħ sabiex jikkonċentraw fuq l-impatt li jixtiequ jħallu fuq is-soċjetà, permezz ta’ espressjonijiet artistiċi fost oħrajn. 

L-inizjattiva tassisti lill-artisti fil-ħiliet tagħhom fosthom billi tikkollabora u tespandi l-ħiliet kreattivi tal-artisti. Kif spjegat l-artista, “l-għan prinċipali ta’ dan il-proġett huwa li l-attiviżmu 

ma jillimitax ruħu għal forom konvenzjonali, iżda l-attiviżmu jew messaġġ soċjali jista’ joħroġ b’mod b’saħħtu permezz tal-espressjoni artistika.” 

Kull kontribuzzjoni li se tinġabar mill-bejgħ ta’ dan il-ktejjeb se jmorru għal għan nobbli, għand Fondazzjoni Richmond. 

Glen Calleja ħa ħsieb il-produzzjoni tal-ktejjeb u kien hu li ħiet iċ-chapbooks b’idejh stess. 

More in Socjali