In-nazzjonalità tal-missier bdiet tiġi rreġistrata f'NOIS fl-2018

Waqt mistoqsija parlamentari, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne stqarr li s-Sistema Nazzjonali ta’ Informazzjoni Ostetrika (NOIS) ma kinitx tirrekordja n-nazzjonalità tal-missier qabel l-2018; is-sena l-oħra ġew irreġistrati total ta’ 4308 wild 

Waqt mistoqsijiet parlamentari, id-Deputat Chris Said staqsa lill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne għall-istatistika tal-aħħar ħmistax-il sena bin-nazzjonalitajiet tal-ġenituri.

Fearne stqarr li n-nazzjonalità tal-missier qatt ma ġiet irreġistra qabel l-2018 fis-Sistema Nazzjonali ta’ Informazzjoni Ostetrika (NOIS). 

Fil-fatt, l-istatistika li ngħatat kienet ta’ bejn l-2018 u l-2022. 

Is-sena l-oħra (2022) ġew imwielda total ta’ 4308 wild f'Malta;

2754 tarbija minnhom kienu wild ta’ ġenituri ta’ nazzjonalità Maltija; 

1042 tarbija li kienu mwielda f'Malta, l-ebda ġenitur ma kien ta’ nazzjonalità Maltija;

223 tarbija kienu wild ta' omm ta' nazzjonalità Maltija u l-missier ta’ nazzjonalità differenti;

199 tarbija kienu wild ta' missier ta’ nazzjonalità Maltija u l-omm ta’ nazzjonalità oħra;

filwaqt li 90 tarbija kienu mwielda minn omm Maltija iżda il-missier kien imniżżel bħala ‘unknown father’. 

L-ogħla rata ta’ trabi rreġistrati, minn ġenituri kemm Maltin u anke nazzjonalitajiet oħra, kienet fl-2020 b’total ta’ 4435; filwaqt li l-inqas rata kienet fl-2019 b’total ta’ 4286 wild f’Malta .

L-ogħla rata ta' trabi b'ġenituri Maltin kienet fl-2018 b'total ta' 3048 wild, mentri l-inqas rata rrekordjata ta' wild b'żewġ ġenituri Maltin fi żmien ħames snin, kienet fl-2021 b’ 2751 wild. 

More in Socjali