Editorjal| It-theddid fil-bidla fil-klima mhux ħrafa

It-tibdil fil-klima kien bla dubju ta’ xejn fuq l-aġenda dinjija. U anke dik Maltija, hekk kif niftakru li s-sajf tal-2023 kien wieħed kiefer u bla rispetti

It-tibdil fil-klima kien bla dubju ta’ xejn fuq l-aġenda dinjija. U anke dik Maltija, hekk kif niftakru li s-sajf tal-2023 kien wieħed kiefer u bla rispetti. Kull rekord li ma konniex nimmaġinaw esperjenzajnieh fl-2023; l-iktar ġurnata sħuna, l-inqas xita, l-iktar żmien bi sħana rekord, flimkien ma’ episodji ta’ ġranet bla dawl fi nħawi fejn qabel ma kienx hemm problemi bl-elettriku. U kieku konna waħedna, kieku konna ngħidu li dan skerz. Imma le, fid-dinja kollha kien hemm fenomeni xejn naturali b’nirien bla ħniena, xmajjar bla ilma, muntanji bla silġ u għadajjar nixfin. Biex ma nsemmux ċikli naturali li waqfu milli jeżistu u fuq kollox staġuni li għosfru.  

Dan kollu kellu impressjoni tremenda fuq il-psike tan-nies li fl-aħħar ma baqgħux jiddubitaw l-argumenti dwar il-bidla fil-klima. U b’hekk saru aktar konxji fil-bżonn li jbiddlu u li jaċċettaw bidliet fil-mod kif jgħixu. 

U hekk ġara. F’Malta (u fid-dinja) bdiet id-diskussjoni u t-trasformazzjoni żgħira biex insiru aktar gżira ekoloġika fejn ma jkunx hemm ħela u jiċkien il-carbon footprint. 

Imma qegħdin ’il bogħod sew. 

U ħa nkunu ċari, filwaqt li qed naraw aktar karozzi hybrid u elettriċi, u aktar użu ta’ panelli fotovoltaiċi, u anki l-bidu taċ-ċertifikazzjoni tal-kostruzzjoni dwar l-użu ta’ enerġija ... qegħdin ’il bogħod ħafna milli nkunu sinifikanti f’dak li għandu x’jaqsam mal-kontribut biex globalment jitnaqqsu l-gassijiet serra.  

Għax filwaqt li qed isir diskors biex inħarsu d-dinja, f’Malta għaddejjin f’ġirja konsumerista bla preċedent minħabba t-tkabbir ekonomiku, u apparti hekk minħabba t-tkabbir fil-popolazzjoni. Huwa għalhekk li għal kull pass ’il quddiem nagħmlu tliet passi lura.   

Malta bla dubju huwa l-iżgħar pajjiż fl-Ewropa imma l-iktar popolat, bl-iktar densità u bl-ikbar numru ta’ karozzi, u b’konsum inkredibbli u produzzjoni ta’ skart. Dan kollu huwa wisq għal din il-povra gżira. 

Malta wkoll qed tibni aktar, u tgħolli ’l fuq, fil-għoli. Dan kollu qed jitfa’ piż akbar fuq l-ambjent permezz ta’ konsum akbar ta’ elettriku u ilma u produzzjoni ta’ skart apparti l-effetti kollha marbuta ma’ aktar nies. 

Il-messaġġ għandu jkun li biex inħarsu l-pjaneta, irridu ninbidlu minn ġewwa, minn kollox, u f’kollox. M’hemmx lok ta’ tibdiliet fjakki u nofs qalb. Rieda soda u politika diretta u bla kantunieri. Politika kuraġġuża u bla sulluzzi. U azzjoni bil-fatti mhux paroli fil-vojt. 

More in Socjali