Dinja li qed tbaqbaq

Pajjiżi madwar id-dinja, inkluż pajjiżi ġirien tagħna, esperjenzaw temp estrem; minn silġ u riħ qawwi li jċarrtu s-siġar sa mewġ qawwi ta’ sħana u nirien indimunjati

It-tibdil fil-klima kien wieħed mill-iktar suġġetti li ddomina l-aħbarjiet ta’ din is-sena.  

Lokalment, is-sħana estrema li laqtet lil pajjiżna saħansitra wasslet għall-qtugħ fil-provvista tad-dawl għal numru ta’ ġranet, bi wħud iqattgħu sigħat twal mingħajr dawl. Skont l-Enemalta, is-sħana qawwija li laqtet lil pajjiżna kienet ta’ kontribut ewlieni għal qtugħ tad-dawl, wara li kkawżat numru ta’ wajers tal-elettriku jdubu fost problemi oħrajn. 

Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, Antonio Guterres, kien qal li waslet l-epoka ta’ dinja li qed tbaqbaq, tant li qal li għadda ż-żmien tat-tisħin globali, għaliex issa, id-dinja qed “tagħli”.  

F’Settembru, l-Amministrazzjoni Nazzjonali tal-Aeronawtika u l-Ispazju (NASA) kienet iddikjarat li s-sajf tal-2023 kien l-iktar wieħed sħun minn mindu bdew jiġu rreġistrati t-temperaturi fl-1880. 

Ix-xhur ta’ Ġunju, Lulju u Awwissu flimkien kienu 0.23 gradi Celsius aktar sħan minn kwalunkwe sajf ieħor, u 1.2 C aktar sħan mis-sajf medju bejn l-1951 u l-1980. Awwissu kien 1.2 C aktar sħun mill-medja.  

In-NASA kompliet tgħid kif dan ir-rekord il-ġdid ta’ sħana eċċessiva madwar id-dinja, iggrava n-nirien fatali fil-Kanada u l-Hawaii, u l-mewġa ta’ sħana qawwija fl-Amerika t’Isfel, il-Ġappun, l-Ewropa u l-Istati Uniti. Barra minn hekk huma qalu li x’aktarx din l-estremità kkontribwiet għal xita qawwija fl-Italja, il-Greċja, u l-Ewropa Ċentrali. 

In-nirien katastrofiċi li seħħew din is-sena f’Katanja u l-parti tan-Nofsinhar tal-Italja, iddominaw l-aħbarijiet għal numru ta’ ġimgħat hekk kif it-temp estrem ikkawża ħerba fil-foresti u l-madwar.  

Il-Greċja wkoll sofriet minn temp estrem simili, tant li Kelliem għall-Kummissjoni Ewropea qal li n-nirien fir-reġjuni ta’ Alexandroupolis u Evos kienu l-ikbar nirien li qatt ġew irreġistrati fl-Unjoni Ewropea. Malta kienet bagħtet 20 uffiċjal tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jassistu lill-Griegi. 

Fi Spanja, xi reġjuni kienu mġiegħla jimponu restrizzjonijiet fuq l-użu tal-ilma għall-agrikoltura u l-industriji kif ukoll għat-tisqija tal-ġonna pubbliċi, wara li April kien l-iktar niexef fl-istorja tal-pajjiż.  

Fil-Libja, ma nistgħux ninsew l-immaġini devastanti li xxerrdu online tal-maltempata Daniel li kkawżat għargħar qawwi u ħalliet eluf ta’ nies mejta f’diversi bliet fosthom Benghazi, Sousse, Derna u Al-Marj.  

B’mod simili għal dik li ddikjaraw ix-xjenzati tan-NASA, ix-xjenzati tal-Unjoni Ewropea ħabbru li l-2023 hija lesta li tkun l-aktar sena sħuna; dan wara li t-temperatura medja globali għall-ewwel 11-il xahar sparat ’il fuq b’livelli bla preċedent; 1.46 gradi Celsius aktar mill-medja bejn 1850-1900.  

Matul Jannar sa Novembru, it-temperatura globali kienet 0.13 gradi Celsius ogħla mill-istess perjodu fl-2016, is-sena li bħalissa għandha t-titlu bħala l-iktar sena kalendarja sħuna fir-rekord, skont is-Servizz tat-Tibdil fil-Klima ta’ Copernicus (C3S).  

Novembru 2023, b’mod partikolari, jispikka bħala l-aktar Novembru sħun globalment, li rreġistra temperatura medja ta' 14.22 grad Celsius fuq wiċċ id-dinja, u għalhekk qabeż l-aktar Novembru sħun ta’ qabel, dak tal-2020 b’0.32 grad Celsius. 

Ix-xjenzati tal-UE qalu ukoll li l-ħarifa mmarkat livell għoli storiku fit-temperaturi globali, b’medja ta’ 15.30 grad Celsius, li qabeż il-medja b’0.88 grad Celsius. 

Intant, biex jikkumbattu din l-isfida klimatika, l-UE qed tħejji politiki klimatiċi ambizzjużi, bl-għan li tnaqqas l-emissjonijiet netti b’55% mil-livelli tal-1990 sal-2030, mira kruċjali għall-kisba ta’ emissjonijiet netti żero sal-2050.  

Il-mewġ tas-sħana fl-Ewropa u fl-Istati Uniti, flimkien mal-aktar jum sħun irreġistrat globalment fil-bidu ta’ Lulju, reġgħu xprunaw tħassib ġdid fuq il-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima.  

More in Socjali