Miriam Dalli tmexxi n-negozjati tal-UE dwar l-adattament għall-klima waqt COP28

Din is-sena Malta kellha rwol attiv ħafna u organizzat diversi attivitajiet iffukati fuq l-isfidi differenti marbuta mat-tibdil tal-klima, speċjalment dwar l-isfidi u s-soluzzjonijiet għal stati membri gżejjer żgħar

Malta qed tifforma parti mit-tim tan-negozjaturi tal-Unjoni Ewropea (EU) li qed imexxi n-negozjati dwar il-ftehim finali dwar il-klima li se jiġi adottat mill-Konferenza COP28, il-Laqgħa tal-Ġnus Magħquda (UN) dwar it-Tibdil fil-Klima.

L-EU qed tieħu rwol ċentrali f’taħditiet ma’ 197 pajjiż ieħor f’Dubaj biex jinnegozjaw pożizzjoni kollettiva dwar it-tibdil fil-klima.

L-EU qed tiġi rappreżentata mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli u l-Ministru għall-Azzjoni dwar il-Klima, l-Ambjent, l-Enerġija, l-Mobbilità, l-Innovazzjoni u t-Teknoloġija Leonore Gewessler.

Din hija l-ewwel darba li Malta ntgħażlet biex tkun parti mit-tim ta’ negozjaturi tal-EU fit-tmexxija ta’ waħda mit-temi ewlenin waqt konferenza.

Il-Presidenza tal-Konferenza f’Dubaj mistennija tagħlaq COP28 bi ftehim ġdid nhar it-Tlieta 12 ta’ Diċembru, madankollu jonqos diversi punti li jeħtieġ jinkiseb qbil dwarhom. Il-konferenza bdiet fl-1 ta’ Diċembru bl-għan ewlieni li tgħaqqad, twettaq u tikseb ir-riżultati (‘Unite. Act. Deliver’).

Dalli spjegat li l-involviment ta’ Malta huwa xhieda li anke pajjiżi żgħar jista’ jkollhom rwol b’saħħtu fl-innegozjar ta’ ftehim li jeħtieġ il-kunsens tal-istati kollha biex jirnexxi.

“Il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, inkluż Malta, qed jimbuttaw għal riżultati b’saħħithom minn dawn il-laqgħat tal-COP, filwaqt li jmexxu bl-eżempju permezz ta’ objettivi speċifiċi u effettivi. Malta tibqa’ determinata li ssostni din id-direzzjoni filwaqt li tagħti prijorità lill-opportunitajiet li l-azzjoni dwar il-klima jistgħu joħolqu. Qed ninsistu li nibqgħu nżommu mal-prinċipju li kull ftehim għandu jżomm mal-impenn li ma naqbżux il-mira tat-tisħin globali ta 1.5 °C”, qalet Dalli.

Fost il-miżuri li qed jiġu diskussi hemm inizjattivi marbutin mal-iskarsezza tal-ilma, oħrajn li jiżguraw il-provvista t’ikel u l-produzzjoni agrikola, it-tisħiħ tar-reżiljenza kontra l-impatti fuq is-saħħa, il-ħarsien tal-ekosistemi, infrastruttura aktar reżiljenti, miżuri kontra l-faqar minħabba l-impatti tal-klima, kif ukoll il-ħarsien tal-wirt kulturali.

More in Socjali