L-10 ta’ Diċembru jimmarka l-Jum Dinji għad-Drittijiet tal-Bniedem inkluż it-tfal

L-10 ta’ Diċembru jimmarka l-Jum Dinji għad-Drittijiet tal-Bniedem, inkluż it-tfal filwaqt li l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal sostna li t-tfal iridu jkunu jafu bid-drittijiet u li jkollhom aċċess għal dawn id-drittijiet sabiex jilħqu l-potenzjal kollu tagħhom

L-10 ta’ Diċembru jimmarka l-Jum Dinji għad-Drittijiet tal-Bniedem, ġurnata fejn niċċelebraw 75 sena mid-Dikjarazzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, inkluż it-tfal.

L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal sostna li t-tfal iridu jkunu jafu bid-drittijiet u li jkollhom aċċess għal dawn id-drittijiet sabiex jilħqu l-potenzjal kollu tagħhom.

L-10 ta’ Diċembru jimmarka wkoll it-tmiem tas-’16-il Ġurnata ta’ Attiviżmu kontra l-Vjolenza abbażi tal-Ġeneru’, għajta internazzjonali sabiex tintemm il-vjolenza kontra n-nisa u t-tfal.

L-Uffiċċju tal-Kummissarju ikkollabora ma’ numru ta’ entitajiet sabiex iqajjem għarfien dwar relazzjonijiet b’saħħithom sabiex jitfakkar dan il-jum.

L-Uffiċċju kkollabora mal- Kummissjoni kontra l-Vjolenza abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika u l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza, kif ukoll mat-Trobbija Pożittiva Malta sabiex jorganizza 10 workshops f’4 skejjel differenti bil-għan li jqajjem għarfien dwar relazzjonijiet b’saħħithom.

Il-ħsieb huwa li jiġi diskuss, flimkien ma żgħażagħ ta bejn it-12 u t-13-il sena, xi jfissru relazzjonijiet ibbażati fuq rispett reċiproku u kif dak li jkun jinduna b’sinjali ta’ relazzjonijiet li mhumiex b’saħħithom.

Trobbija Pożittiva Malta ppreżentat lil kull skola li pparteċipat bi ktieb intitolat ‘Karolina, Ferdi u s-Saħħar il-Ħażin’, pubblikazzjoni miktuba minn Audrey Friggieri u Dr Clarissa Sammut Scerri, dwar il-vjolenza domestika.

Barraminnhekk, sett ta’ kotba ġew mogħtija lil kull skola sabiex jintużaw bħala riżorsa fil-klassijiet matul diskussjonijiet dwar vjolenza u abbuż.

L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal jisħaq sabiex dawk kollha li għaddejjin min diffikultajiet jew qegħdin jesperjenzaw vjolenza abbażi tal-ġeneru, jagħmlu kuraġġ u jsaqsu għall-għajnuna.

Dan tista’ tagħmlu billi ċċempel 179.

More in Socjali