Impjegata tal-KNK qalet li awturi Maltin “jirnexxu” bi “tqaħħib”

Immanuel Mifsud, President ta' PEN Malta, talab lill-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Mark Camilleri sabiex jindirizza din is-sitwazzjoni b'mod pubbliku u trasparenti

Impjegata uffiċjali tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK), Jasmine Bajada, ippubblikat kummenti fil-konfront tal-awturi Maltin. Hija akkużat lill-awturi Maltin kollha bi "tqaħħib" u "inċest" sabiex "jaslu" jew "jirnexxu".

Immanuel Mifsud, il-President ta’ PEN Malta saħaq li filwaqt “tiddefendi d-dritt għall-espressjoni libera, anki ta' stqarrijiet assurdi, inġurjużi u bla bażi, dawn il-kummenti minn uffiċjal imħallsa minn fondi pubbliċi fi rwol intiż speċifikament sabiex jgħin, imexxi u jippromwovi l-letteratura u l-industrija tal-kotba huma totalment inaċċettabbli.”

Mifsud kompla jgħid li kienet allarmanti li impjegata mill-Kunsill taħseb hekk dwar l-awturi Maltin. Huwa kompla jgħid, li minflok tat apoloġija hija stess, il-KNK għamel apoloġija f’isimha fejn "assigurana" li "l-kwistjoni ġiet indirizzata internament".

Bl-għemil tagħha, Mifsud qal li Bajada waqqgħet il-Kunsill għar-ridikoli u għad-disprezz tal-kostitwenti l-iktar importanti tiegħu.

Bajada hija responsabbli mill-avvenimenti, premjijiet, fondi u inizjattivi tal-KNK.

Mifsud sostna li kull attività mill-KNK se tibqa’ mtebbgħa b’suspett u nuqqas ta’ fiduċja, filwaqt li talab lill-Kap Eżekuttiv tal-KNK Mark Camilleri sabiex jindirizza din is-sitwazzjoni b'mod pubbliku u trasparenti.

More in Socjali