Grech qiegħed jipprova joħloq firdiet f’pajjiżna

Skont Ramona Attard, il-President tal-Partit Laburista “id-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni hu diskors dgħajjef, sintomatiku ta’ Kap ta’ Partit li m’għandux viżjoni lanqas għall-partit tiegħu, aħseb u ara għall-pajjiż.” 

Ramona Attard, President tal-Partit Laburista
Ramona Attard, President tal-Partit Laburista

Skont Ramona Attard, il-President tal-Partit Laburista “id-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni hu diskors dgħajjef, sintomatiku ta’ Kap ta’ Partit li m’għandux viżjoni lanqas għall-partit tiegħu, aħseb u ara għall-pajjiż.” 

Attard kompliet tgħid li Grech qiegħed jipprova joħloq firdiet f’pajjiżna biex jaħbi l-firda li tinsab bejn il-membri tal-Partit Nazzjonalista u li jagħmel minn kollox bit-tama li jiġbor xi punti politiċi. “Lil Bernard Grech qed narawh li ta’ spiss jispiċċa jinqabad fuq sieq waħda bil-kontradizzjonijiet tiegħu, meta jipprova jwiegħed kollox lil kulħadd”. Hija sostniet li Grech filli jgħid ħaġa mbagħad jgħid oħra b’referenza għal meta Grech saħaq “li l-Gvern qiegħed jagħlaq il-vit lill-ħaddiem barrani” imbagħad f’diskors ieħor “tefa’ t-tort fuq iż-żieda fil-popolazzjoni.” 

Attard fakkret li l-Gvern Laburista qiegħed jintroduċi miżuri sabiex temping agencies serji joperaw f’pajjiżna f’qafas regolatorju sabiex jirregolarizzaw id-dħul ta’ ħaddiema barranin f’pajjiżna. Fuq l-istess ħsieb, Attard semmiet ukoll il-konsultazzjoni li nieda l-Gvern u li pparteċipa fiha l-Partit Laburista b’konsultazzjoni interna, fuq  impjiegi ta’ kwalità għolja fl-industrija tat-turiżmu li se twassal biex ħaddiema jkollhom skills cards qabel jibdew jaħdmu fl-industrija.

Hija saħqet li r-riformi proposti mill-Gvern, filwaqt li jiggarantixxu li l-ebda ħaddiem, irrispettivament minn liema pajjiż ġej ma jkunx sfruttat, iwasslu biex tkompli tissaħħaħ l-ekonomija ta’ Malta skont il-ħtiġijiet tal-lum. “Il-Partit Laburista jibqa’ l-unika partit tal-ħaddiema kollha irrispettivament minn liema pajjiż ġejjin.

"L-ebda mexxej politiku m’għandu jipprova joħloq firdiet f’pajjiżna. Min m’għandux viżjoni għall-pajjiż, ikun aħjar joqgħod kwiet milli jipprova jirkeb fuq xi sentimenti ta’ razziżmu.” 

More in Socjali