Editorjal| Argument bażwi ta’ Bernard Grech

Bla dubju huwa magħruf li hemm tħassib fost il-pubbliku fuq in-numru ta’ barranin f’pajjiżna; Grech irid iwaħħal fil-barranin għall-problemi kollha li għandha; Mingħajrhom Malta litteralment tikkrolla, b’mod speċjali fis-servizzi pubbliċi

L-argumenti tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech dwar il-popolazzjoni f’Malta hija waħda li wiret mingħand l-Avukat Adrian Delia, l-Eks Kap tal-Partit Nazzjonalista li kien ġie sfiduċjat wara kritika fil-konfront tiegħu fi ħdan il-partit tiegħu stess.    

Bla dubju huwa magħruf li hemm tħassib fost il-pubbliku fuq in-numru ta’ barranin f’pajjiżna. Grech irid iwaħħal fil-barranin għall-problemi kollha li għandha. Minflok ma jgħid li hemm ippjanar ħażin u nuqqas ta’ viżjoni ta’ kif pajjiżna ser jiffunzjona meta jiġu 2.5 miljun turist flimkien ma’ popolazzjoni ta’ fuq in-nofs miljun. 

Sa ċertu punt l-inkwiet dwar il-barranin huwa xprunat mill-fatt li kull fejn tmur tara barranin flok Maltin: carers, nurses, wejters, kokijiet, ħaddiema tal-kostruzzjoni, tax-xarabanks, min inaddaf, min jaħdem fil-ħwienet, u anke min jaħdem fl-oqsma li jipprovdu servizz. Mingħajrhom Malta litteralment tikkrolla, b’mod speċjali fis-servizzi pubbliċi bħat-trasport pubbliku, l-isptarijiet, id-djar tax-xjuħ u anke l-posta. 

Min jargumenta li dawn qed jieħdu xogħol il-Maltin qed jgħid il-ħmerijiet. 

In-numri u d-data uffiċjali juruna li l-Maltin ma jridux jaħdmu u mhux qed jaħdm ċertu xogħol u qed ifittxu xogħol li jrendi aktar u fuq kollox ma jkunx ta’ strapazz. Min jara l-istatistika, jara li hemm bżonn aktar ħaddiema biex inkunu nistgħu noperaw. 

Minn fuq il-barranin – b’mod leċitu u illeċitu – hawn eluf ta’ Maltin li qed idawru lira sew u jagħmlu l-flus. Flus fis-sens li l-azjendi tagħhom kieku ma jkunux jistgħux joperaw. Tassew is-settur turistiku llum ma jiddependix aktar fuq il-ħaddiem Malti iżda huwa kompletament dipendenti fuq dak barrani. 

Grech huwa konxju mill-garr tal-Maltin dwar il-barranin. Iżda garr li huwa mnebbaħ minn sentimenti ta’ intolleranza u xenofobija. 

U Grech dan jafu u jekk ma jafux mela verament ħadd ta’ madwaru mhu qed jiftaħlu għajnejh u jtih pariri siewja. 

Id-diskors tiegħu din il-ġimgħa fil-parlament Malti kien tal-mistħija. Diskors b’narrativa pwerili u ta’ persuna li juri li jħaddan politika lemini. Diskors li jfakkrek fil-partiti ultrakonservattivi fl-Ewropa li nibtu fuq il-mibgħeda għall-barranin. 

Dan id-diskors Grech qed jagħmlu għax jemmen li hemm min ser jappoġġjah meta jitkellem hekk.   

Li ma jafx hu li dawk li huma liberali fil-PN qed jiddejqu u dawk li huma tal-istess fehma xenofoba aktarx huma l-laburisti fin-nofsinhar ta’ Malta li jekk jivvutaw ser jivvutaw bi protesta ma’ partiti jew personalitajiet minn xebh lemini. U dan se juruh fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew fejn filonazisti bħala Norman Lowell ikunu qed jippreżentaw lilhom infushom bħala kandidati. 

Hemm bżonn li min għandu rasu fuq għonqu fil-PN jiġbed l-attenzjoni ta’ Grech u jiftaħlu għajnejh għall-mod kif qed jitkellem u jaġixxi. 

U fuq kollox l-isponsors tal-PN – in-negozjanti l-kbar, li ħafna minnhom jafu kemm huma importanti l-barranin għan-negozji tagħhom u wisq aktar għall-ekonomija ta’ pajjiżna. 

More in Socjali