ADPD| Il-karozza tibqa’ fiċ-ċentru tal-ippjanar u t-traffiku jkompli jiżdied!

Kelliema tal-ADPD qalu li pjanijiet li jiffukaw fuq il-karozza u mhux fuq iċ-ċittadin huma r-raġuni ewlenija għaż-żieda fil-problemi tat-traffiku

F’konferenza tal-aħbarijiet biswit l-isptar San Luqa f’Tal-Pietà, kelliema tal-ADPD qalu li pjanijiet li jiffukaw fuq il-karozza u mhux fuq iċ-ċittadin hija r-raġuni ewlenija għaliex qed jiżdiedu l-problemu kkawżati mit-traffiku.

Il-kandidata tal-ADPD għall-Kunsill Lokali tal-Pietà Janet Zahra Walker, qalet li għalkemm l-Isptar San Luqa ma għadux iffrekwentat bħal qabel, xorta waħda ta' kuljum hawn volum kbir ta’ karozzi li jidħlu fih. Filfatt f’din iż-żona kienu tmexxew ukoll l-uffiċini tal-POYC, iċ-Ċentru Ortopediku kif ukoll hawn iċ-ċentru ta’ rijabilitazzjoni Karin Grech, fost oħrajn. 

Il-kelliema qalu li jixtiequ jiġbdu l-attenzjoni ta’ kulħadd li fil-limiti ta' dan l-isptar, hawn skola primarja tal-Pietà, f’żona nieqsa minn bankini jew passaġġ adegwat maħsub prinċipalment għat-tfal.

“In-nuqqas ta’ ħsieb għal nies li jmorru l-iskola bil-mixi hu ta tħassib filwaqt li jkompli jikkonferma dwar kemm għadna pajjiż skjav tal-karozza. Irridu toroq sikuri fejn min jużahom bil-pass - inkluż it-tfal tal-iskola - jħossu sikur u jingħata prijorità?”

Zahra Walker qalet li l-fatt li m’hemmx bankini juri traskuraġni lejn is-sigurtà tat-tfal. It-triq lanqas tingħalaq waqt il-ħinijiet tal-iskola għat-traffiku, u l-periklu għat-tfal huwa ikbar. Ftit passi ‘l bogħod mill-iskola primarja hemm il-kunsill lokali, l-kwartieri ġenerali kemm tal-Partit Nazzjonalista u tal-Partit Laburista, iżda injoraw din is-sitwazzjoni sostniet. 

Iċ-Chairperson tal-ADPD Sandra Gauci tkellmet dwar il-proġett propost ftit ‘il bogħod fl-Imsida li għalkemm mal-ewwel daqqa t’għajn jidher ambizzjuż, mhu xejn għajr monument ieħor għall-glorifikazzjoni tal-karozza filwaqt li sostniet li “l-pjanijiet tagħhom sfaw suf”, hekk kif il-problema tat-traffiku għadha tippersisti madwar il-gżira.

Il-kelliema insistiet li l-infrastruttura proposta tippromwovi l-karozzi fejn l-użu tagħhom għandu jonqos. “Għandna gvern beżżiegħ” li kompla jirrepeti l-istess żbalji.

Gauci temmet tgħid li żona fejn minnha jgħaddu bosta nies bil-mixi jistħoqqilha iktar importanza. 

More in Socjali