Impjiegi fil-qasam tal-ambjent ser ikun notevoli ħafna skont rapport uffiċċjali

Ir-rapport tal-Eurofound janalizza l-impatt tal-pjan Fit for 55 tal-Unjoni Ewropea, li jipproġetta bidliet sinifikanti fl-impjiegi madwar l-istati membri. Filwaqt li Malta mistennija tesperjenza l-akbar żieda fl-impjiegi sal-2030, pajjiżi oħra Ewropej jistgħu jiffaċċjaw tnaqqis

Rapport tal-Eurofound, l-agenzija tal-Unjoni Ewropea ta’ riċerka fuq it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u x-xogħol, ippubblikat studju komprensiv tal-impatt tal-pjan Fit for 55 tal-Unjoni Ewropea. Dan il-pjan huwa intiż li jwassal għal tnaqqis ta’ 55% fl-emissjonijiet sal-2030 u miegħu jġib ukoll diversi sfidi hekk kif il-pajjiżi jridu jaddattaw għal realtajiet ġodda. Iżda, jidher li hemm ukoll opportunitajiet. Biex jintlaħaq dan il-għan se jkun hemm bżonn bidliet sostanzjali fl-attività ekonomika u ferm aktar effiċjenza fejn jidħlu emissjonijiet u użu ta’ enerġija. 

Minkejja din l-isfida, l-esperti Ewropej jikkonkludu li sal-2030 il-qalba ambjentali mistennija żżid l-impjiegi b’madwar 204,000. Dan ifisser żieda ta’ madwar 3% fuq iż-żieda antiċipata fl-impjiegi li kieku ma jseħħux il-bidliet li se jwassal għalihom il-pjan Fit for 55.  

Filwaqt li bħala medja l-Fit for 55 se jżid l-impjiegi, huwa mbassar li fi tnax-il pajjiż il-qalba ambjentali se tnaqqas l-impjiegi. Dan għax jintilfu impjiegi f’setturi bħall-minjieri, raffineriji u kostruzzjoni. L-akbar telf mistenni se jkun fil-Latvja fejn se jitilfu 0.5% tal-impjiegi kollha fil-pajjiż. F’pajjiżi bħall-Polonja se jintilfu mat-tliet kwarti tal-impjiegi kollha fis-settur tal-minjieri.  

Fil-każ ta’ Malta l-impjiegi se jiżdiedu b’0.25% minħabba dan is-settur biss. Huma biss fl-Italja u Spanja li huwa mbassar li l-impjiegi jiżdiedu b’rata akbar milli f’Malta. Iż-żieda mistennija f’Malta hija mbassra li tkun l-aktar fis-servizzi imma anke fil-manifattura, l-enerġija u l-kostruzzjoni se jkun hemm impatti pożittivi f’pajjiżna. Il-maġġoranza tat-titjib fl-impjiegi se jkun f’karrieri b’ħiliet għoljin, anke fil-livell terzjarju.   

L-esperti Ewropej jindikaw li pajjiżna għandu bżonn jagħmel investiment ta’ madwar 20% aktar tal-ġid nazzjonali biex jilħaq il-miri ambjentali. Bħala medja, madwar l-Unjoni Ewropea qed jingħad li din trid tkun kważi 35%. L-akbar żieda li se jkun hemm bżonn huwa fil-Litwanja, li se jkollha bżonn iżżid l-investiment b’aktar minn 90% tal-ġid nazzjonali. Malta għandha s-sitt l-anqas bżonn ta’ investiment. Dan jirrifletti l-fatt li ġa saru bidliet kbar – bħal pereżempju l-qalba għall-gass u s-ship to shore.  

 

Fil-fatt l-intensità tal-emissjonijiet li jsiru għal kull €1 miljun fi produzzjoni f’pajjiżna huma ferm limitati. Malta għandha s-sitt l-anqas livell ta’ emissjonijiet minn fost il-pajjiżi Ewropej. Il-pajjiż bl-ogħla livell relattiv ta’ emissjonijiet għal kull miljun ewro attività ekonomika huwa l-Bulgarija, b’livell ħames darbiet dak ta’ pajjiżna. 

  

Ir-rapport tal-Eurofound jinnota li Malta se tkun il-pajjiż bl-akbar żieda fl-impjiegi sal-2030, b’żieda ta’ xi 2.8%. Din hija rata kważi għaxar darbiet dik imbassra għall-bqija tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt ’l hinn mill-impatt tal-Fit for 55, f’madwar tmien pajjiżi l-impjiegi mistennija jonqsu fis-snin li ġejjin, bl-akbar tnaqqis ikun dak ta’ madwar 1.1% fil-Latvja. Anke fil-Ġermanja l-impjiegi mistennija jonqsu b’xi 0.2%, filwaqt li fi Franza mistennija żieda limitata ta’ 0.6%, jew ħames darbiet anqas minn Malta.  

Anke fejn jidħol tkabbir ekonomiku, Malta hija mbassra li tkun il-pajjiż bl-akbar espansjoni. Dan hekk kif huwa proġettat li t-tkabbir reali jkun ta’ 3.9%. Dan huwa madwar erba’ darbiet it-tkabbir imbassar għall-Unjoni Ewropea. 

 

 

More in Socjali