L-ittestjar tal-verġinità ser isir illegali f’Malta

Tressaq abbozz ta' liġi li ser jikkriminalizza l-ittestjar tal-verġinità, prattika diskriminatorja lejn in-nisa u bniet

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg ħabbret li ser jitressaq abbozz ta’ liġi għall-approvazzjoni tal-Kamra tad-Deputati li ser jikkriminalizza l-ittestjar tal-verġinità.

Buttigieg qalet li din il-liġi ser tagħti sinjal ċar kontra prattika diskriminatorja li tikkawża trawma, umiljazzjoni u uġigħ għan-nisa u l-bniet. 

“Dan huwa abbuż li jammonta għal vjolenza sesswali u ma għandu qatt jiġi tollerat jew aċċettat taħt l-ebda ċirkustanza,” żiedet tgħid Rebecca Buttigieg.

Hija spjegat li dan it-test isir bl-impressjoni żbaljata li wieħed jista’ jiddetermina jekk tfajla qattx kellha interkors sesswali.

Is-segretarju parlamentari spjegat li ġeneralment l-eżami tal-verġinità jkun impost fuq nisa u bniet f’soċjetajiet fejn in-nisa huma meqjusa bħala propjetà ta’ missierhom jew ta’ żewġhom u għad għandhom ideat sterjotipati dwar is-sesswalità. Hija qalet li medikament dan it-test ma għandu ebda bażi xjentifika waqt li jikser id-drittijiet tal-bniedem.

Is-segretarju parlamentari temmet tgħid li b’din il-liġi ser titwettaq wegħda oħra tal-Manifest Elettorali, u Malta, bħal uħud mill-pajjiżi Ewropej, ser tkun minn ta’ quddiem li jkollha din il-liġi kif rakkomandat  minn aġenziji tan-Nazzjonijiet Magħquda fosthom l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, id-WHO.

More in Socjali