Ir-ritratt li ċċirkola fuq il-midja ma kienx meħud din is-sena

L-immaġni li ċċirkolat fuq il-midja soċjali f’Malta fejn turi pajjiżna niexef qoxqox, irriżulta li kien meħud xhur ilu mill-Osservatorju tad-Dinja tan-NASA

Ritratt meħud mill-ajru li juri Malta niexfa qoxqox f’dan iż-żmien tas-sena ċċirkola b’mod wiesa’ fuq il-midja soċjali il-Ħamis, fejn jenfasizza kif in-nixfa persistenti matul ix-xhur li għaddew qiegħda twassal għal kundizzjonijiet ta’ nixfa madwar il-pajjiż kollu.

Dan ir-ritratt inqasam fuq Facebook mill-grupp It-Temp Madwarna li malajr beda jiċċirkola mal-pjattaformi lokali u akkwista iktar minn elf like fi ftit sigħat. 

Madankollu, ir-ritratt fil-fatt ma jurix il-kundizzjonijiet ta’ Malta f’Novembru ta’ din is-sena 2023. L-immaġni hi qadima aktar minn sena u ttieħdet lejn l-aħħar ta’ Ottubru 2022.

Ir-ritratt ġej mill-Osservatorju tad-Dinja tan-NASA, sensiela ta’ immaġini meħudin bis-satellita mill-aġenzija spazjali.

L-ewwel darba li deher dan ir-ritratt kien f’Diċembru 2022 meta ntuża f'logħba puzzle onlajn mill-websajt tal-Osservatorju tad-Dinja tan-NASA. Fil-logħba ġie muri dan ir-ritratt bl-għan li wieħed jaqta’ liem pajjiż hu. 

L-immaġni sħiħa ħarġet ftit jiem wara, fl-20 ta’ Diċembru, meta tħabbar ir-rebbieħ. F'artiklu dwar ir-ritratt, in-NASA spjegat li l-immaġni ttieħdet fis-27 ta' Ottubru 2022 bl-użu tal-Operational Land Imager-2, skaner li jippermetti li jittieħdu immaġini b'kulur naturali.

Minkejja li huwa ritratt meħud xhur ilu, xorta waħda jixhed is-sitwazzjoni li jinsab fiha pajjiżna jekk mhux agħar. Skont l-Uffiċċju Meterjoloġiku, Ottubru 2023 kien l-iktar xahar niexef mentri li x-xahar ta’ Novembru ftit li xejn rajna xita. 

More in Socjali