Moviment Graffitti| Nesiġu r-revoka immedjata ta’ dan l-avviż legali

L-għaqda mhux governattiva Moviment Graffitti qalet li filwaqt li Abela kien f’laqgħa pożittiva ma’ attivisti, il-Ministru tal-Ippjanar kien mehdi jagħmel pjaċiri lill-istess żviluppaturi li huma responsabbli għall-qerda tal-ambjent

Il-Ministru tal-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi
Il-Ministru tal-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi

L-għaqda mhux governattiva (NGO) Moviment Graffitti talbet għar-revoka ta’ avviż legali li jestendi l-applikazzjonijiet għall-ippjanar bi tliet snin.

“Il-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż Legali seħħet mingħajr l-ebda konsultazzjoni pubblika. Peress li avviżi legali m’għandhomx bżonn approvazzjoni parlamentari qabel ma jidħlu fis-seħħ, il-Gvern effettivament qed juża dawn l-avviżi bl-iskop li jdaħħal fis-seħħ bidliet legali b’mod qarrieqi mingħajr ma jagħti wisq fil-għajn” qalet l-NGO. 

Il-Ġimgħa li għaddiet, il-gvern ippubblika l-Avviż Legali 263 tal-2023, li jipprovdi estensjoni ġenerali ta’ tliet snin għall-applikazzjonijiet kollha tal-ippjanar li kellhom jiskadu sal-aħħar tas-sena d-dieħla.

NGO saħqet li “Waqt li l-Prim Ministru Robert Abela kien jinsab okkupat ifaħħar lilu nnifsu wara ‘laqgħa pożittiva’ ma’ attivisti tal-Moviment Graffitti waqt id-dimostrazzjoni fil-Mosta iktar kmieni din il-ġimgħa, il-Ministru tal-Ippjanar tiegħu kien mehdi jagħmel il-pjaċiri lill-istess żviluppaturi li huma responsabbli għall-qerda tal-ambjent tagħna.”

Il-Moviment Graffitti ikkundanna bil-qawwa l-amnestija għall-iżviluppaturi “peress li ser sservi biss biex tiffaċilita żvilupp li jkun ilu pendenti għal snin twal, bl-iskuża pwerili li kien hawn ħafna proġetti li kellhom jieqfu minħabba li ġew interrotti l-linji ta’ produzzjoni madwar id-dinja.”

“Ta’ tħassib kbir huwa l-fatt li permessi li ġew approvati żmien twil ilu, u li issa ser jingħataw estensjoni ta’ tliet snin, mhux ser ikunu soġġetti għal politki tal-ippjanar li ġew implimentati wara li l-permess ġie approvat,” qalet l-NGO.

l-NGO sostniet li “mhijiex sorpriża li dan l-avviż legali huwa ċarament ir-riżultat ta’ aktar pressjoni min-naħa tal-Malta Developers’ Association (MDA).” Filwaqt li temmet tgħid li meta “MDA titniffes, il-Gvern jiftaħ għajnejh beraħ u jisma’ b’attenzjoni kbira.”

More in Socjali