Abela f’laqgħa ma’ Mexxejja Ewropej fil-Kroazja

Il-Prim Ministru Abela indirizza l-importanza ta’ konnettività ta’ Malta mal-Ewropa filwaqt li ssuġġerrixxa li għandu jkun hemm Kummissarju Ewropew għall-Mediterran

Il-Prim Ministru Robert Abela ttenda għal-laqgħa fuq stedina tal-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel flimkien ma’ Mexxejja Ewropej, bi tħejjija għall-Aġenda Strateġika l-ġdida tal-Unjoni Ewropea li se tkopri s-snin 2024-2029 fil-Kroazja. 

Abela ssuġġerixxa li għandu jkun hemm Kummissarju Ewropew għall-Mediterran li jagħraf x’potenzjal għandu r-reġjun tal-Mediterran u tingħatalu l-importanza li jistħoqqlu. 

Waqt il-laqgħa, Abela semma wħud mill-prijoritajiet għas-snin li ġejjin li huma ta’ importanza għal pajjiżna, li għandhom jiġu kkunsidrati fl-istrateġija l-ġdida. Fosthom semma s-Suq Uniku, l-aċċess għall-mediċini, il-konnettività u l-Mediterran.

Abela rrimarka wkoll li Malta tiddependi minn trasport tal-baħar u tal-arja bħala konnettività mal-Ewropa. Huwa qal li għalkemm pajjiżna qed ikompli jġib mediċini ta’ kwalità bi prezz affordabbli, l-Unjoni Ewropea għandha tindirizza l-isfida tal-aċċess għall-mediċini sabiex tassew ikollna Suq Uniku għall-Farmaċewtika billi tħares lejn l-Viċinat tan-Nofsinhar u tara x’azzjonijiet jieħdu. 

Huwa saħaq li qabel tiġi introdotta leġislazzjoni f’dan ir-rigward, għandhom isiru impact assessments li jieħdu inkunsiderazzjoni r-realtajiet tal-Istati Membri kollha, inkluż ta’ Malta.

Waqt il-laqgħa, il-Mexxejja Ewropej tkellmu wkoll fuq sitwazzjonijiet kurrenti, fosthom il-kunflitt tal-Lvant Nofsani. Issemma kif fil-ġranet li għaddew fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti għaddiet riżoluzzjoni mfassla minn Malta li se twassal għal iżjed għajnuna umanitarja f’Gaża. Abela saħaq li Malta se tibqa’ twassal vuċi b’saħħitha favur il-paċi.

Fil-Kroazja, Abela kellu wkoll laqgħa bilaterali mal-Prim Ministru Kroat Andrej Plenković, fejn komplew jibnu fuq id-diskussjoni tal-laqgħa bilaterali li kellhom f’Malta, f’Settembru li għadha.

More in Socjali