Spezzjonijiet għal għarrieda minn Transport Malta jwasslu għall-arresti

Transport Malta kompliet twettaq numru ta’ spezzjonijiet għal għarrieda li wasslu għal numru ta’ kontravenzjonijiet u arrest fost l-oħrajn. Kelliem għal TM saħaq li l-infurzar żdied matul is-sajf hekk kif saru numru ta’ attivitajiet tal-massa li jirrikjedu pjanar u infurzar

Transport Malta għaddejja bil-ħidma ta’ infurzar b’kollaborazzjoni ma’ awtoritajiet tal-infurzar oħrajn sabiex tkompli tiġi mħarsa s-saħħa u s-sigurtà tas-sewwieqa. Aktar kmieni il-ġimgħa l-oħra saru numru ta’ spezzjonijiet fosthom fis-Central link u fil-Marsa Ħamrun Bypass fejn inqabdu numru ta’ sewwieqa li ma kinux konformi mal-liġi fosthom xufier li ġie arrestat. 

Fost diversi spezzjonijiet li saru, kmieni l-Erbgħa filgħodu saret roadside inspection fis-Central link Ħ’Attard. Grazzi għall-Vehicle Inspectorate Unit, numru ta’ vetturi, (b’mod partikolari vetturi kummerċjali) ġew spezzjonati għal għarrieda.  

Għaxar vetturi ġew spezzjonati, seba’ minnhom intiżnu, u tmien vetturi kienu mħarrka minħabba li ma kinux konformi mal-liġi: persuna nstabet mingħajr liċenzja valida tas-sewqan għall-kategorija ta’ vettura li kienet qed issuq; żewġ vetturi twaqqfu wara li ma kinux konformi mal-liġijiet ta’ manutenzjoni; vettura nstabet li kellha n-numru tar-reġistrazzjoni fi stat ħażin; żewġ vetturi nstabu li ma kellhomx id-dawl fi stat tajjeb; vettura oħra mingħajr fire extinguisher u vettura li kienet mgħobbija żżejjed. L-ebda vettura ma ġiet ikkonfiskata. 

Sadanittant, TM kompliet bil-ħidma tagħha l-Erbgħa filgħaxija hekk kif saret spezzjoni fil-Marsa Ħamrun Bypass. Madwar disgħin vettura ġew spezzjonati u konsegwentement inħarġu numru ta’ ċitazzjonijiet kif ukoll arrest.  

Fost l-infrazzjonijiet osservati kien hemm vetturi li ma kellhomx pjanċi u liċenzji invalidi. Barra minn hekk, diversi vetturi kellhom ħsarat estensivi u għalhekk ma kinux siguri biex jinstaqu. Dan wassal għall-irmonk ta’ seba’ karozzi, filwaqt li ġew ikkonfiskati tliet karozzi talli ma kellhomx ir-reġistrazzjoni Maltija. Saru wkoll testijiet tal-breathalyser u ġew arrestati tliet individwi li nstabu li kienu qed joqogħdu b’mod irregolari f’Malta. Xufier ieħor ġie arrestat wara li prova jaħrab l-ispezzjonijiet u ndunaw li lanqas kellu liċenzja mħallsa u polza tal-assikurazzjoni.  

Kelliem minn Transport Malta qal li dawn l-ispezzjonijiet isiru bl-għan li tiġi żgurata s-sigurtà tas-sewwieqa u spjega kif l-infurzar żdied hekk kif matul is-sajf pajjiżna ospita diversi attivitajiet tal-massa, attivitajiet li jirrikjedu pjanar minħabba l-ammont għoli ta’ vetturi li jkunu qed jaslu fl-istess destinazzjoni. Fil-fatt matul ix-xahar ta’ Awwissu biss, TM ħarġet 1,729 kontravenzjoni. Dawn l-1,729 kontravenzjoni, jinkludu 278 multa amministrattiva u 1,451 każ li ġew riferuti lit-Tribunali Lokali. 

Meta mistoqsi hekk jemminx li hemm biżżejjed infurzar, huwa saħaq li “qatt mhu biżżejjed fejn jidħol l-infurzar, iżda minkejja dan, Transport Malta tagħmel li tista’ sabiex tassigura s-saħħa u sigurtà ta’ dawk kolla li jużaw it-toroq.” 

Finalment huwa sostna li l-operazzjoni, li saret tard matul il-lejl, isservi bħala xhieda tal-isforzi li għaddejjin mill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi Maltija biex tinżamm is-sigurtà fit-toroq. Huwa rringrazzja lill-ħaddiema tal-awtoritajiet involuti u l-koperazzjoni tal-pubbliku.  

More in Socjali