Alfred Sant jindiriza l-“isfida morali’ tal-akkomodazzjoni li qed tiżdied b’ritmu mgħaġġel f’pajjiżi ewropej

Waqt dibatittu, Alfred Sant sostna li hemm bżonn tibda tingħata ikat importanza lill-politika tal-akkomodazzjoni nazzjonali sabiex kulħadd ikollu post diċenti fejn jgħix

Matul l-aħħar 13-il sena, il-prezzijiet tad-djar żdiedu b’ritmu mgħaġġel f'24 pajjiż tal-Unjoni Ewropea (UE), filwaqt li l-kirjiet żdiedu bl-istess ritmu f'26 pajjiż tal-UE. 

Bejn 2010u l-2021, il-prezz biex tixtri dar żdied b’medja ta’ 37%, u il-prezzijiet tal-kiri bi 17%. Minħabba dan, aktar Ewropej qed jsibuha diffiċli biex isibu post diċenti fejn jgħixu.

Waqt dibattitu plenarju fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu dwar l-akkomdazzjoni, l-eks Prim Ministru u l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Laburista fil-Grupp Soċjalista u Demokratiku tas-S&D Alfred Sant innota li l-kriżi tal-akkomodazzjoni ilha għaddejjha snin. Huwa kompla jgħid li din is-sitwazzjoni qed tiggrava minħabba  l-intervent minimu mill-Gvern u l-kriżi finanzjarja mis-sena 2008 ‘il quddiem. Sant stqarr li n-nies qed jonfqu 40% jew aktar mid-dħul tagħhom fuq akkomodazzjoni u ż-żgħażagħ qed ikollhom jibqgħu jgħixu mal-ġenituri minħabba li spejjeż tal-kiri mhumiex affordabbli. 

Sant qal li l-pajjiżi ewropej iridu jagħtu iktar importanza lill-policies tal-akkomodazzjoni nazzjonali.  “L-Unjoni Ewropea trid turi impenn politiku qawwi biex issaħħaħ il-provista ta’ djar fis-suq tal-housing”, saħaq Sant.

Sant sostna li l-akkomodazzjoni diċenti għal kulħadd hija sfida morali u għalhekk li l-politika Ewropea trid taffaċċjaha b’azzjoni soda.

More in Socjali