500 tunnellata ta' skart mormi illegalment jitneħħa minn madwar il-Forti Delimara

L-iskart kien ilu jinġema’ għal għexieren ta’ snin, aktarx minn meta s-Servizzi Ingliżi waqqfu l-użu militari tal-forti

It-tindif f'Forti Delimara
It-tindif f'Forti Delimara

Il-foss tal-Forti Delimara dan l-aħħar ħa nifs qawwi ’l barra hekk kif ra l-aħħar imniezel ta’ skart jitneħħew minn ġo fih wara snin sħaħ ta’ rimi illegali. B’kollox tneħħew mal-500 tunnellata ta’ materjal fuq medda ta’ sitt ġimgħat. L-iskart kien ilu jinġema’ għal għexieren ta’ snin, aktarx minn meta s-Servizzi Ingliżi waqqfu l-użu militari tal-forti. L-eżerċizzju estensiv ta’ tindif twettaq minn Parks Malta, fl-osservanza ta’ wieħed mill-provedimenti ta’ Memorandum of Understanding li ġie ffirmat bejn Heritage Malta u Parks Malta f’Novembru tal-2021.

Wara li tlesta t-tindif, blokok tal-konkrit tqiegħdu mad-dawra tal-foss bħala deterrent kontra rimi illegali ta’ skart fil-ġejjieni. Ġiet installata wkoll sistema ta’ CCTV biex iż-żoni interni u esterni tal-forti jkunu sorveljati bla waqfien.

L-eżerċizzju ta’ tindif jikkumplimenta l-isforzi konsiderevoli li għamlet Heritage Malta matul ix-xhur li għaddew biex il-Forti Delimara jitreġġa’ lura għal kif kien qabel l-1964. Dawn l-isforzi jinkludu t-tindif tal-partijiet sotterranji u tal-pjazza prinċipali kif ukoll it-tneħħija ta’ strutturi aljeni li wħud minnhom kienu perikolużi.

Ġiet installata wkoll sistema ġdida ta’ dawl u ilma. Il-Forti Delimara nbena bejn l-1876 u l-1878 biex iħares il-kosta tan-naħa tal-port ta’ Marsaxlokk u huwa eżempju klassiku ta’ fortifikazzjoni kostali Vittorjana.

Fost attrazzjonijiet oħra, fil-forti wieħed għadu jista’ jara erba’ kanuni ta’ 38 tunnellata mis-sitta li kien hemm meta l-forti kien jintuża għal skop militari. Dawn huma l-uniċi kanuni tax-xorta tagħhom li għadhom jeżistu fid-dinja kollha fuq il-karrijiet u fil-post oriġinali tagħhom.

Il-forti baqa’ operattiv sal-1956. Aktar tard intuża bħala razzett għal aktar minn 25 sena, sakemm għadda taħt il-ħarsien ta’ Heritage Malta fl-2005

More in Socjali